Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, ikkonkluda li ma kien hemm l-ebda konflitt ta’ interess mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Agrikoltura u l-Kura tal-Annimali, Alicia Bugeja Said.
Il-Kummissarju għall-Istandards ikkunsidra ilment fil-konfront tas-Segretarju Parlamentari fejn ġie allegat li stiednet lill-impjegati tal-ministeru tagħha biex jattendu attività politika organizzata minnha.
Fl-ilment ġie allegat li Bugeja Said daħlet f’konflitt ta’ interess, għax organizzat l-attività bl-għajnuna tal-industrija tat-tonn, li hi regolata minnha.
Madankollu rriżulta lill-Kummissarju li l-attività kienet waħda uffiċjali organizzata bħala team-building għall-impjegati tal-Ministeru u, għalkemm involviet żjara fil-fish farms, l-uniku kontribut tal-operaturi f’dan il-qasam kien li wasslu lill-parteċipanti mix-xatt sal-fish farms u spjegaw kif joperaw.
Fi stqarrija, l-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards qal li jkun ksur ta’ etika jekk ministru jew segretarju parlamentari jinqeda b’attività uffiċjali tal-ministeru biex jippromwovi lilu nnifsu.
In-nuqqas li l-Kummissarju sab fil-każ odjern kien kien li ntuża isem is-Segretarju Parlamentari u l-logo tagħha fil-komunikazzjoni lill-impjegati tal-ministeru fejn ġew mgħarrfin bl-attività, xi ħaġa li l-istess Bugeja Said irrikonoxxiet u skużat ruħha.