Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ddeċieda li ma jkomplix jinvestiga ilment kontra l-Ministru tas-Saħħa, Jo Etienne Abela, b’rabta ma’ kummenti li għamel fuq ir-radju tal-Knisja.
L-ilment li tressaq aktar kmieni din is-sena sostna li l-Ministru Abela żvela informazzjoni kunfidenzjali dwar il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM, Martin Balzan, meta qal li t-tilwima industrijali mal-Gvern kienet ibbażata fuq raġunijiet personali ta’ Dr Balzan wara li dan ma ntagħżilx għall-kariga fl-Isptar Mater Dei.
Wara li l-Kummissarju talab il-fehma tal-Ministru Abela, dan sostna li kien qed jirreaġixxi għal dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ Dr Balzan, u li l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu għall-kariga kienet magħrufa fil-qasam mediku. Barra minn hekk, il-Ministru saħaq li kellu d-dmir li jinforma lill-pubbliku dwar il-kuntest tal-kwistjoni industrijali.
Il-Kummissarju qies li peress li l-ilment ma sarx minn Dr Balzan innifsu, ma kienx xieraq li jinvestiga aktar. Qal ukoll li investigazzjoni bħal din kienet tinvolvi ċirkostanzi personali ta’ terza persuna, liema ħaġa ma tistax issir jekk l-istess persuna ma titlobx l-investigazzjoni hi stess.
B’hekk, il-Kummissarju kkonkluda li l-ilment kellu jingħalaq u ma jkunx segwit b’azzjoni oħra.