Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sab li ilment ieħor tal-Professur Arnold Cassola, din id-darba kontra l-ingaġġ tal-kantanta Ira Losco f’kampanja ta’ Project Green u t-tegging tal-Ministru Miriam Dalli fiha, hu bla bażi f’rapport ippubblikat il-Ħamis.
Waqt li Cassola ilmenta, kif jagħmel spiss, anke jekk rarament jingħata raġun, li kien hemm xi abbuż bl-użu ta’ fondi pubbliċi jew saħansitra ngħatat xi pubbliċità lil membri tal-Gvern, f’dan il-każ il-Ministru għall-Ambjent, l-Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi kkonkluda li dan mhux minnu.
Wara investigazzjoni, li damet fuq sena u nofs, ir-rapport tal-Kummissarju jikkonkludi li, għall-iskużi kollha miġjuba minnu, inkluż dwar allegata “pubbliċità falza u okkulta”, anke jekk kien qed jiġi promoss l-investimenti fi spazji miftuħa biex jitgawdew mill-familji f’pajjiżna, jew xi ksur tal-liġi bi sparpaljar ta’ fondi u użu ta’ tfal f’reklamar fl-interess tal-politiċi, Cassola ma kellu l-ebda raġun.
U jtenni li ma kien hemm l-ebda ħtija min-naħa tal-Ministru Dalli.
F’kummenti fuq il-midja soċjali, mal-pubblikazzjoni tar-rapport, il-Ministru għall-Ambjent laqgħet l-aħbar u qalet li Cassola, bħall-Partit Nazzjonalista, irid juża lill-Kummissarju għall-Istandards biex, mingħalih, iwaqqaf milli tiġi promossa l-ħidma li qed titwettaq.
B’referenza għall-ingaġġ ta’ personalitajiet magħrufa, bħalma hi Ira Losco, il-Ministru kitbet li Cassola, “agħar minn hekk, irid mingħalih jimbarazza lil min b’mod leġittimu jassoċja ruħu ma’ proġetti ta’ ġid għas-soċjetà mwettqa mill-Gvern”.
Waqt li fakkret ukoll li ħaddieħor, b’indikazzjoni ċara għall-kandidat Nazzjonalista u ħaten Beppe Fenech Adami, Kevin Cassar, li wkoll attakka lil Losco u lit-tenur Joseph Calleja l-Ħadd li għadda, Miriam Dalli enfasizzat li l-Gvern se jibqa’ jwettaq dak li jwiegħed u jikkomunika dwaru, għax hu obbligu lejn il-poplu li jiġi informat.