Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, ikkonferma li d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari ġew sottomessi.
Hu kien qed jiddeċiedi fuq ilment imressaq mill-Perit Carmel Cacopardo, bħala Deputat Chairperson tal-ADPD, li, f’Diċembru li għadda, stqarr li tali dikjarazzjonijiet ma ġewx ippreżentati fil-Parlament.
Il-Kummissarju ma sab l-ebda bażi biex ikompli jinvestiga dan il-każ wara li stħarreġ kull informazzjoni relatata, inkluż mas-Segretarju tal-Kabinett, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u ma’ rulings li ta l-Ispeaker fl-aħħar xhur dwar is-suġġett.
Id-dikjarazzjonijiet tal-assi, li huma separati minn dawk tal-membri Parlamentari ppreżentati lill-Ispeaker, isiru lis-Segretarju tal-Kabinett, kif stipulat mill-kodiċi ta’ etika, għall-fini ta’ skrutinju mill-Prim Ministru. Hekk seħħ f’dan il-każ u kollha tressqu wkoll fil-ħin.