L-allegazzjoni li s-Segretarju Parlamentari Chris Bonett irċieva xi trattament favorevoli f’allokazzjoni ta’ siġġijiet fuq titjira tal-Air Malta waqt btala privata mal-familja kienet infondata.
Hekk iddikjara l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika l-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi f’ilment li kien fetaħ Arnold Cassola kontra Bonett.
Dan wara li kien ingħad li erba’ persuni li kellhom siġġijiet fuq ajruplan tneħħew fuq isimhom biex ingħataw lil Bonett u familtu.
Fil-fatt iżda Chris Bonett stess kien ħallas minn butu jiem qabel it-titjira għas-siġġijiet ibbukjati u li ġara kienet ħsara teknika fis-sistema kif ikkonferma ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta minn indaġni li saret.
Il-Kummissarju għall-Istandards kiteb li fil-fatt kien sodisfatt bl-ispjega li ngħatat fosthom provi li Bonett ħallas għas-siġġijiet inkwistjoni u għamel dan biex waqt it-titjira, hu u martu u żewġ uliedu żgħar ikunu ħdejn xulxin.
Fis-sottomissjonijiet tiegħu Bonett ukoll qal li ma kien mgħarraf minn ħadd li kienu se jitqajmu minn posthom passiġġiera oħra għaliex li kieku kien hekk, kien ifittex li jsiefer fuq titjira oħra jew iħassar il-btala.
Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika qal li ma kien hemm l-ebda att ta’ preferenza mas-Segretarju Parlamentari għax Bonett talab erba’ siġġijiet ħdejn xulxin fuq l-ajruplan meta dan ħallas għalihom qabel.
“Wieħed jifhem li kienet tkun irresponsabbiltà li żewġt itfal żgħar jitħallaew waħedhom fuq ajruplan”, żied il-Kummissarju hu u jiddeċiedi li dan każ ieħor infondat fil-konfront ta’ Bonett.
Dan hekk fix-xhur li għaddew, Bonett ukoll ma nstabx ħati fuq ilment ieħor li kien fetaħ Cassola.