Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler, ċanfar lil Jason Azzopardi dwar it-talba għal-investigazzjoni fuqu.
Investigazzjoni li Hyzler sostna li huwa prekluż milli jwettaqha.
Fir-rapport tiegħu u li ppubblikah mal-midja George Hyzler qal li t-talba ta’ Jason Azzopardi hija superfluwa.
Dan hekk kif Hyzler sostna li li kieku ma kienx prekluż li jinvestiga dan il-każ, Jason Azzopardi bilfors kellu jkun disponibbli għall-investigazzjoni.
Fil-konklużjonijiet tiegħu, Hyzler xejjen ukoll l-iskuża ta’ Jason Azzopardi li rreċiproka l-ħlas tal-kamra f’lukanda f’Tel Aviv mill-Grupp Tumas billi xtara rigal tal-fidda lil min ħallaslu l-kamra.
Hawnhekk Hyzler qal li jekk deputat jingħata rigal u jirreċiprokah b’rigal min-naħa tiegħu, dan ma jikkanċellax ir-rigal mogħti lid-deputat.
Dan filwaqt li ma jeskludix lid-deputat mid-dispożizzjonijiet relevanti tal-Kodiċi tal-Etika tal-Membri tal-Kamra tad-Deputati.
Intant, Hyzler ikkundanna wkoll lil Jason Azzopardi għall-iskop politiku u pubbliċità personali li seta’ kien hemm wara t-talba tiegħu. Sostna li hu konxju tal-perikolu minn dawn it-tip ta’ talbiet u b’hekk juża kawtela kbira sabiex ma jħallix lil min jinqeda bl-uffiċċju tiegħu.