Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler intalab jinvestiga l-akkużi dwar nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxa dovuta għal diversi snin mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Talab biex isir dan, is-Sur Jason Micallef, li bħal kull ċittadin privat fl-interess nazzjonali seta’ jagħmel din it-talba.
Jason Micallef innifsu ħabbar fuq il-profil tiegħu fuq facebook lil kiteb lil Dr Hyzler biex jinvestiga dak li żvela ONE News.
Nhar il-Ħamis, ONE News żvela li Jason Azzopardi, li tant jitkellem dwar il-governanza t-tajba, huwa membru ieħor tal-grupp parlamentari Nazzjonalista li għandu l-vizzju li ma jiddikjarax id-dħul għal fini ta’ ħlas ta’ taxxa.
Dan bħal Kap tal-istess Partit Nazzjonalista, Bernard Grech u l-Kap ta’ qablu Adrian Delia.
Jason Azzopardi nnifsu kkonferma l-istorja żvelata minn ONE News u ammetta li ma ddikjarax x’jaqla’.
Mal-Maltatoday ammetta li għal numru ta’ snin ma ddikjarax id-dħul għal fini ta’ ħlas ta’ taxxa u waħħal fil-proċeduri ta’ separazzjoni.
Bis-saħħa li tagħtih il-liġi, editur reġistrat jista’ jitlob it-tax returns tad-deputati u t-tagħrif żvelat jirriżulta minn talba li għamel ONE News lill-Ispeaker tal-Parlament.
Fil-fatt ONE News talab lill-Ispeaker jagħtina t-tax returns ta’ Jason Azzopardi iżda mir-risposta tal-Ispeaker jirriżulta b’mod ċar li Jason Azzopardi mhux dejjem bagħat dawn ir-returns lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni.
Biex b’hekk, Jason Azzopardi ma kienx qed jonora l-obbligi legali tiegħu.
Ta’ min jinnota li t-talba ta’ ONE News lill-Ispeaker saret it-Tlieta filgħodu u skont il-liġi, l-Ispeaker kien obbligat jinforma lid-deputat li saret it-talba dwaru.
Dakinhar tat-talba Jason Azzopardi rreaġixxa billi għamel aġġornament parlamentari fejn allega li sar frame-up fuq l-eks Kummissarju tat-Taxxi Interni u fih ipprova jimplika lis-Segretarju Permanenti Ewlieni, li mhux biss ċaħad iżda fakkar kif din kienet it-tielet gidba fi ftit żmien li għamel fuqu Jason Azzopardi.
Tul il-jum tal-Erbgħa Jason Azzopardi żamm laqgħat ma’ strateġisti ta’ Bernard Grech li fihom għamilha ċara li jippretendi li l-Partit Nazzjonalista jaqbad in-narattiva tiegħu minnufih kull darba li jitkellem fil-Parlament u jirrepeti l-allegazzjonijiet li jagħmel hu b’aktar qilla.
Jason Azzopardi fakkar lin-nies ta’ Bernard Grech min poġġa lil Grech, Kap tal-Partit Nazzjonalista.
B’reazzjoni għal din l-istorja żvelata, il-Partit Laburista qal li Bernard Grech għandu test ieħor quddiemu fuq Jason Azzopardi.
Dan wara li Grech kien meqjus li falla f’test ieħor li kellu dwar Jason Azzopardi meta riċentament sar magħruf li tħallsitlu kamra f’lukanda lussuża fl-Iżrael mill-grupp tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Wara bosta mistoqsijiet fuq din l-istorja, Jason Azzopardi kien issospenda lilu nnifsu, f’dik deskritta minn osservaturi politiċi bħala sospensjoni għal għajn in-nies, sakemm il-Kummissjoni Etika tal-Partit Nazzjonalista għarblet l-aġir t’Azzopardi u ħarġet bi tbeżbiża żgħira iżda ma ħadet l-ebda azzjoni.
Ftit wara dan, Bernard Grech kien reġa’ daħħal baxx baxx lil Jason Azzopardi fil-grupp parlamentari.