Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ma laqax ilment imressaq minn Norman Lowell u l-Partit Imperium Europa kontra s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, għal kumment li tellgħet fuq il-midja soċjali wara deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir.
Ilment ta’ Norman Lowell kontra s-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg miċħud mill-Kummissarju tal-Istandards Wara li l-Awtorità tax-Xandir immultat lir-Radju tal-Knisja talli kiser direttiva dwar rappreżentazzjoni wiesgħa ta’ opinjonijiet differenti b’rabta mal-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, meta eskluda lil Lowell minn programm, is-Segretarju Parlamentari tenniet li d-dritt tal-espressjoni ħielsa għandu jiġi rispettat dejjem.
Minkejja dan, qalet li, “meta dan jintuża biex jimmina d-drittijiet fundamentali ta’ nies oħrajn u jxerred kliem ta’ mibegħda, hu r-responsabbiltà ta’ kulħadd li jassigura din in-narrattiva perikoluża ma tkomplix tinxtered.”
Il-Kap tal-Imperium Europa ilmenta li tali kummenti huma interpretazzjoni żbaljata u jiksru l-kodiċi ta’ etika tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari, anke jekk dan seħħ fuq il-paġna tagħha personali.
Ma’ dan kollu, iżda ma qabilx il-Kummissarju għall-Istandards, l-Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, li kkonkluda li mhemmx bażi biex ikompli jinvestiga l-ilment.