Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler sab li s-sistema li tippermetti li membri parlamentari impjegati mas-settur pubbliku jattendu attivitajiet parlamentari waqt il-ħin tax-xogħol qed tiġi abbużata.
Dan wara li rċieva lment wara artiklu fuq il-gazzetta ‘The Times li fih ġie allegat li d-deputat Nazzjonalista Kristy Debono kienet naqset milli tirrapporta għax xogħol bosta drabi.
Filfatt, l-artiklu kien jgħid kif sorsi mill-Awtorità Maltija għal-Logħob qalu kif kienet biss irrappurtat għax-xogħol għal madwar tnax-il darba biss fuq medda ta’ erba’ snin.
Fl-istqarrija, George Hyzler qal li fl-investigazzjoni sab li s-sistema qed tiġi abbużata billi deputati jassentu ruħhom mill-post tax-xogħol bla kontroll, anki biex jattendu attivitajiet politiċi u tal-konstitwenza.
Huwa ppropona wkoll li deputat li jaħdem fis-settur pubbliku m’għandux isir il-kelliem tal-oppożizzjoni dwar l-istess qasam li jaħdem fih, minħabba li dan joħloq sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess.
Huwa temm jipproponi li bħala soluzzjoni d-deputati kollha jingħataw l-għażla li jibdew jaħdmu full-time bħala deputati u dawk li jaqilbu full-time jitħallsu paga ogħla minn dawk li jibqgħu part-time.