Il-Kummissarju Ewropew għax-Xogħol u l-Ġustizzja Soċjali, Nicolas Schmit, irrikonoxxa u faħħar ix-xogħol li qed isir f’pajjiżna fil-qasam tad-djalogu soċjali.
Huwa qal dan waqt żjara li qed jagħmel f’pajjiżna, fejn iltaqa’ mas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, u ma’ diversi msieħba soċjali.
Waqt laqgħa li l-Kummissarju Ewropew kellu mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku, l-MCESD, ġie diskuss, fost l-oħrajn, il-progress li sar u qed isir fid-djalogu soċjali kif ukoll il-pjanijiet ta’ pajjiżna fejn jidħlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, id-drittijiet tal-impjegati, u l-ekonomija soċjali.
Huwa nnota wkoll b’sodisfazzjon l-attiviżmu li hawn f’pajjiżna fid-djalogu soċjali, u faħħar lill-gvern għar-riformi b’saħħithom li qed iwettaq sabiex jilqa’ għall-isfidi fid-dinja tax-xogħol.
Qal, “I must say that there is a large identity of views with the Commission om the importance, first on social dialogue in this period of big transformations. We had very important and interesting exchanges of views on these transformations, not only the climate issue but also the change in the world of work due to digitalisation, due to artificial intelligence.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul laqa’ b’sodisfazzjon din ir-reazzjoni tal-Kummissarju Ewropew, li kkonfermat li pajjiżna miexi fid-direzzjoni t-tajba.
Qal, “Sodisfatt ħafna bl-attiviżmu li għandna fid-djalogu soċjali f’pajjiżna jaħdem speċjalment l-MCESD, kif ukoll kien sodisfatt għal-liġijiet li daħħalna f’pajjiżna kemm biex inkunu konformi ma’ dak li għaddej fuq livell Ewropew u kif ukoll komplejna nsaħħu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tagħna u noħolqu dinja tax-xogħol aktar xierqa mill-Maltin u l-Għawdxin.”