Waqt dibattitu dwar is-saltna tad-dritt f’pajjiżna fil-Parlament Ewropew, instigat mill-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa u sħabu tal-Grupp tal-Popolari Ewropej, l-EPP, il-Kummissarju Ewropew Didier Reynders stqarr li l-Kummissjoni Ewropea ssib koperazzjoni tajba mal-awtoritajiet Maltin dwar il-progress relatat li qed isir b’rabta, tant li Malta diġà ħadet il-passi meħtieġa.
Fost dawn il-passi, hu semma kif Malta bdiet proċess ta’ riforma fil-ħatra tal-ġudikatura, ittieħdu miżuri fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u sar avvanz fis-salvagwardji tal-kundizzjonijiet tal-ġurnalisti, fosthom permezz tad-direttiva Anti-SLAPP.
“Aħna għandna koperazzjoni tajba mal-awtoritajiet Maltin, dwar iċ-ċiklu annwali tar-rapporti tas-saltna tad-dritt. Dan insibu analiżi dettaljata dwar is-salta tad-dritt ta’ Malta. Fir-rapport insibu li Malta ħadet il-passi biex tindirizza ċerti kwistjonijiet.”
David Casa, iżda, ma tilifx l-okkażjoni biex ikompli bil-“gwerra qaddisa” li wiegħed, hekk kif ħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex taġixxi kontra pajjiżna. Appell riċiklat li, miegħu, ingħaqad ukoll l-Ewroparlamentari Peter Agius.
Min-naħa l-oħra, il-Viċi President tas-Soċjalisti u Kap tad-Delegazzjoni Laburista, id-Deputat Mexxej Alex Agius Saliba, innota l-ipokrezija u d-double standards tal-Parlament Ewropew, immexxi minn Roberta Metsola, li baqa’ sieket fuq 144 ġurnalist maqtula f’Gaza.
“Ma nistax ma nikkummentax fuq l-ipokrezija u d-double standards, ta’ dan il-Parlament. Filwaqt li llum qed intellgħu dibattitu fuq il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, għax għall-Grupp tal-Popolari, iħossu li meta jagħmlu hekk, bħalma rajna minn Malti bħalna, David Casa, li meta tattakka lill-Gvern Soċjalista tkun qed tirbaħ xi ftit punti politiċi, dan il-Parlament, għadu sieket, mutu u trux quddiem il-massakru ta’ mija u erbgħin ġurnalist f’Gaza u fil-Libanu, matul din l-aħħar sena biss.”
Id-dibattitu kien indirizzat ukoll mill-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Daniel Attard, li ddeskriva dan id-dibattitu bħala eżerċizzju politiku biex jipprova jitfa’ dell ikrah fuq Malta.
Attard ukoll sostna li l-Parlament Ewropew qed ikun ipokrita meta jonqos milli jitkellem dwar il-qtil tal-ġurnalisti f’Gaza u meta dan l-istess Parlament mar jagħti appoġġ lil min illum hu akkużat bi vjolenza kontra l-umanità.
L-Ewroparlamentari Laburista Thomas Bajada, min-naħa tiegħu, semma kif pajjiżna sar l-ewwel stat membru li adotta d-Direttiva Anti-Slapp. Fl-istess ħin, appella lill-Unjoni Ewropea biex tkompli tippromwovi ġurnaliżmu fattwali u dinjituż.
Sadanittant, fi stqarrija, il-Partit Laburista wkoll ikkundanna dan l-aħħar attakk sfrenat kontra Malta mill-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti David Casa u Peter Agius.