Il-Kummissarju Ewropew Malti Glenn Micallef ħabbar li se jkun qed isaħħaħ il-programm Erasmus+, li minnu jibbenefikaw eluf kbar ta’ żgħażagħ kull sena, fosthom dawk Maltin u Għawdxin.
Hu żvela dan meta kien qed jiġi intervistat mill-Euronews, fejn saħaq dwar l-importanza ta’ dan il-programm ta’ bdil tal-istudenti f’pajjiżi Ewropej, dejjem favur l-identità Ewropea u t-tisħiħ ta’ ħiliet essenzjali.
Mistoqsi dwar il-fatt ta’ rapporti li jsemmu l-possibilità ta’ tnaqqis drastiku fil-baġit ta’ Erasmus+, anke kif issuġġerit minn xi stati membri, il-Kummissarju Micallef saħaq li l-intenzjoni waħdiena hi li dan il-programm ikompli jissaħħaħ u kien hawn li għamilha ċara li fir-rwol tiegħu hu se jħares dan il-programm.
Minn mindu twaqqaf fl-1987, kważi 16-il miljun student użaw l-Erasmus+ biex jistudjaw barra minn pajjiżhom u l-iskema issa nfirxet ukoll biex tinkludi taħriġ prattiku, inkluż għall-għalliem u l-atleti.
Micallef qal ukoll li ż-żieda fl-isfidi relatati mas-saħħa mentali fost iż-żgħażagħ Ewropej kienet ta’ tħassib serju u semma kif, fl-Unjoni Ewropea, 50% taż-żgħażagħ jirrapportaw li qed jiffaċċjaw jew diġà affrontaw sfidi ta’ saħħa mentali – minn solitudni, għal ansjetà u stress. Għal dan, jaħtu diversi kawżi u Micallef innota kif il-każi żdiedu wara l-COVID-19.
Il-Kummissarju Malti qal li, waħda mill-ogħla prijoritajiet tiegħu, se tkun li jeżamina “r-relazzjoni bejn l-ambjenti diġitali u l-effetti li dawn qed iħallu fuq iż-żgħażagħ”, b’enfasi speċjali fuq il-midja soċjali.
Hu ħabbar pjani biex jitnieda studju fuq livell Ewropew dwar l-effetti usa’ tal-midja soċjali, li se tkun segwita minn pjan ta’ azzjoni kontra l-bullying online.
Il-Kummissarju ssuġġerixxa li parti mis-soluzzjoni tista’ tinstab fl-inkoraġġiment biex aktar żgħażagħ jipparteċipaw fl-attività fiżika, rimedju importanti ħafna f’dan il-kuntest. Żied li anke l-kultura għandha rwol kruċjali, dan billi tagħti spazju liż-żgħażagħ jesprimu lilhom infushom tassew.
Meta ddiskuta l-impenn taż-żgħażagħ, Micallef enfasizza l-ħtieġa li niżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom pjattaforma biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, li jgħinu biex dan il-proġett ikompli jikber u jissaħħaħ. Hu temm billi qal li “rridu nkomplu nsaħħu l-livell ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’kull aspett tal-ħidma politika tagħna”.
Photo Credit: Zacharia Vigneron