“Tul dawn l-aħħar diċenji, sar progress kbir b’rabta mal-ugwaljanza u l-inklużjoni, iżda ninsabu f’punt kruċjali bħalissa b’rabta mad-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+. Fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza ta’ persuni LGBTIQ+, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri biex jadottaw strateġija nazzjonali biex jassiguraw l-ugwaljanza għal kulħadd. Din hi bidla li hemm bżonn.”
Saħqet dan il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza, Helena Dalli, waqt is-sehem tagħha fil-konferenza għad-Drittijiet tal-Bniedem, fiż-żjara tagħha għall-Europride 2021 f’Kopenhagen.
Waqt li bdiet tiddiskuti is-suġġett tal-ugwaljanza, Dalli qalet kif dak li qed taħdem għalih hu li ngħixu f’dinja fejn wieħed jgħix ħajtu kif jixtieq u jħobb lil min jixtieq mingħajr ebda biża’ u diskriminazzjoni.