Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, Didier Reynders, irrikonoxxa u faħħar ir-riformi li għamlet l-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela fl-aħħar sentejn u nofs.
Huwa qal dan waqt seduta plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu li ddibattiet riżoluzzjoni dwar Malta instigata mid-deputat parlamentari Ewropew Nazzjonalista, David Casa, fl-okkażjoni tal-ħames annivesarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Didier Reynders semma r-riformi li saru taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, fosthom dawk li kkontriwew għall-indipendenza tal-ġudikatura.
Qal, “Report reflects that a number of reforms started in 2020 and have been implemented. Such reforms, in particular the reforms of the system of judicial appointments and judicial discipline, have contributed on the independence of the Maltese justice system.”
Dak li qal il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja jingħaqad ma’ dak li kienet qalet il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, f’diskors fl-istess Parlament Ewropew. Hija kienet semmiet lil Malta bħala eżempju tar-riformi fil-qasam tas-saltna tad-Dritt.
Fid-diskors tiegħu fil-Parlament Ewropew, il-Kummissarju Ewropew Reynders irrimarka wkoll li għad hemm ħidma xi ssir, fosthom biex tiżdied l-effiċenzja fil-Qrati Maltin.
Min-naħa tiegħu, meta indirizza s-seduta, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa, kompla ma’ dak li kien qal fil-Mosta l-Ħadd li għadda, u tenna li Malta għandha bżonn tfiq għax hija marida.
Ma’ David Casa ngħaqad il-President tal-Partit Popolari Ewropew, Manfred Weber, li għamel lil Simon Busuttil, segretarju ġenerali tal-istess Grupp wara li spiċċa minn Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Waqt id-dibattitu tkellmu wkoll, fost l-oħrajn, l-erba’ Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Laburista: Alfred Sant, Alex Aguis Saliba, Josianne Cutajar, u Cyrus Engerer.
Huma tkellmu kif il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela embarka fuq diversi riformi favur is-saltna tad-dritt.
Sant qal, “Ir-riformi li diġà saru jew li qegħdin fil-proċess biex jitwettqu, attwalment ipoġġu lil Malta qabel bosta Stati Ewropej oħrajn fil-mod, ngħidu aħna, kif qed jitħaddmu, jew se jitħaddmu, is-sistemi ġudizzjarji, kostituzzjonali, u tal-pulizija.”
Agius Saliba qal, “Illum qegħdin hawnhekk nassistu għad-disa’ riżoluzzjoni u dibattitu ta’ fatti rriċiklati dwar is-saltna tad-Dritt f’Malta. Bir-rispett kollu lejn il-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia, għadni qed nistenna dibattiti u riżoluzzjonijiet f’dan il-Parlament dwar l-erba’ delitti ta’ ġurnalisti oħra li seħħew fl-Unjoni Ewropea, wara dak ta’ Daphne Caruana Galizia; delitti li l-proċeduri legali tagħhom għandhom lanqas biss bdew jew inkella ma ġewx konklużi.”
Cutajar qalet, “Il-progress li qed isir f’pajjiżi jirrikonoxxih min għandu ottika imparzjali u oġġettiva. M’għandux ikun dal-Parlament li, għal darb’ oħra, jipprova jpinġi l-istampa mod ieħor.”
Engerer qal, “What we need is to heal as a nation from political divisions, rooted in the past. Our challenge is to fight hate, classism, the believe that opinions are superior to others. Justice for Daphne is being done in our courts, but yet to honour her, we need to open minds, open hearts and fight partisan hate and we must do that together.”
Dwar dan is-suġġett, il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew ħareġ stqarrija li fiha faħħar ir-riformi li għamel pajjiżna.
Il-Grupp qal li Malta wettqet għadd ta’ riformi pożittivi li tejbu l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja u għenu biex ikun hemm riżultati pożittivi li wasslu biex jiġu kkundannati dawk li qatlu lil Daphne Caruana Galizia.