Il-ġustizzja tibqa’ punt importanti li ssir u tidher li qed issir.
Kien dan il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa li kellu fil-Berġa ta’ Kastilja mal-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Didier Reynders.
Fil-laqgħa, il-Prim Ministru Abela semma l-fatt kif il-Gvern Malti kkonsulta bi sħiħ u b’mod kontinwu mal-Kummissjoni Ewropea fost oħrajn dwar l-implimentazzjoni ta’ għadd ta’ riformi favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt, il-ġustizzja u l-governanza f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Gvern qed ikompli jġib riformi li jkomplu jsaħħu iżjed il-ġustizzja f’pajjiżna. Dr Abela nnota riformi mbuttati mill-Gvern fosthom il-bidla fil-proċess tal-kumpilazzjonijiet li għandha l-għan li żżid l-effiċjenza fil-proċess ġudizzjarju.
Fil-laqgħa f’Kastilja, il-Prim Ministru spjega numru ta’ riformi oħra li qed taħdem fuqhom din l-amministrazzjoni fosthom emendi fil-Kodiċi Kriminali biex tiġi protetta saħħet u ħajjet l-omm f’każ li din tkun f’periklu gravi riżultat ta’ kumplikazzjonijiet mediċi waqt it-tqala, emendi li jsaħħu l-ġlieda kontra l-kriminalità fejn f’każ ta’ reati serji ħafna l-Pulizija jkollha d-dritt titlob il-permess tal-Maġistrat biex testendi l-arrest għal iktar minn 48 siegħa u anki emendi li jikkjarifikaw aktar il-pieni fuq każijiet fejn ikun hemm aggravar.
Dan apparti emendi mressqa u diskussa fil-Parlament li jkomplu jsaħħu l-ġlieda tal-pajjiż kontra l-vjolenza domestika.
Il-Prim Ministru elenka numru ta’ riformi li wettqet din l-amministrazzjoni fosthom il-metodu ġdid ta’ ħatra tal-President ta’ Malta u l-ħatra u t-tneħħija ta’ ġudikanti, inkluż tal-Prim Imħallef, fejn il-Gvern reħa l-poter minn idu.
Dan apparti metodu ġdid ta’ ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija bl-iskrutinju parlamentari, il-ħolqien ta’ servizz separat tal-Prosekuzzjoni u t-tisħiħ fil-funzjonijiet ta’ żewġ istituzzjonijiet tant importanti, jiġifieri dak tal-Ombudsman u tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzjoni.
Il-Prim Ministru Robert Abela fisser lill-Kummissarju Ewropew Didier Reynders ir-riżorsi bla preċedent li l-Gvern ta lill-Qrati u lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Dan ġie kumplimentat minn fondi parti mill-Programm ta’ Rkupru u Reżiljenza li ġew investiti fid-diġitalizzazzjoni tal-operat tal-Qrati. Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-abbozzi ta’ liġi li se jagħtu l-ogħla protezzjoni fl-istorja lill-ġurnalisti u kif il-Kumitat ta’ Esperti tal-Midja għaddej b’konsultazzjoni pubblika wara li l-Gvern aċċetta t-talba taċ-Chairperson tal-istess Kumitat biex issir estensjoni għall-konsultazzjoni.
Il-Prim Ministru temm jisħaq li l-qasam tal-ġustizzja jibqa’ wieħed li fih iridu jsiru riformi kontinwi bħal dawk li saru biex pajjiżna kiseb il-fiduċja tal-FATF u l-MoneyVal.
Jakkumpanja lill-Prim Ministru Abela fil-laqgħa ma’ Didier Reynders kien hemm il-Ministri Owen Bonnici, Byron Camilleri u Jonathan Attard, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg, is-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.
In a meeting with Commissioner @dreynders I highlighted our continuous reforms. Whilst keeping an open channel of communication with @EU_Commission, our reforms, such as the proposals in the compilation of evidence, remain pivotal for justice to be done and be seen to be done.-RA pic.twitter.com/Su0JfRGBMh
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) April 27, 2023