Ix-xogħol li qiegħed isir minn pajjiżna b’rabta mal-investiment fejn tidħol l-enerġija rinovabbli ġie nnutat b’sodisfazzjon mill-Kummissarju Ewropew għall-Enerġija, Kadri Simson, fi żjara li qed tagħmel f’pajjiżna.
Simson iltaqgħet mal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, u ddiskutew il-pjanijiet ta’ pajjiżna fejn tidħol l-enerġija rinovabbli.
Fost l-oħrajn huma żaru wħud mill-istallazzjonijiet tan-netwerk tal-elettriku tal-Enemalta u l-Interconnect Malta, li hija l-kumpanija tal-Gvern li qed tiżviluppa t-tieni interconnector bejn Malta u l-Italja.
Waqt dawn iż-żjarat Simson innutat il-potenzjal li għandu pajjiżna f’dan il-qasam.
“Kelli l-opportunità li nara l-ewwel interkonnettur li jgħaqqad lil Malta mal-Italja, u kellna diskussjoni tajba mal-Ministru Dalli li fiha tħadditna dwar aktar espansjoni ta’ dawn l-interkonnessjonijiet għat-tieni fażi.”
Hija nnutat ukoll l-importanza tal-Fondi Ewropej, b’mod partikolari mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Dan l-investiment se jwassal biex pajjiżna jgawdi minn aktar stabbiltà fil-provvista tal-enerġija.
Id-delegazzjoni żaret ukoll l-Enemalta, fejn setgħet tara l-investiment ta’ disgħin miljun ewro sabiex jissaħħaħ in-network billi tikber il-kapaċità biex tlaħħaq mad-domanda tal-elettriku ta’ pajjiżna li dejjem qed tikber.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat ix-xogħol li qiegħed isir b’rabta mal-enerġija rinovabbli.
“Ewlenin fosthom ix-xogħol li għaddej fuq it-tieni interconnector, ix-xogħol li għaddej biex ikollna off-shore renewables f’pajjiżna, u x-xogħol li qegħdin nagħmlu bħalissa biex naraw li ninvestu f’sistema ta’ storage ta’ enerġija fil-batteriji.”
Hija nnutat li dawn il-proġetti jistgħu ipoġġu lil pajjiżna bħala katalist fis-settur tal-enerġija rinovabbli.
Din iż-żjara mill-Kummissarju għall-Enerġija Ewropew ġiet jum qabel, il-Ħamis, jingħata bidu għall-Med9, fejn f’pajjiżna se jiltaqgħu il-Ministri tal-Enerġija tal-Mediterran.