Dr Helena Dalli ċaħdet, b’mod assolut, storja fil-midja lokali fejn ingħad li hi qegħda taħdem u tirsisti biex ikollha terminu ieħor bħala Kummissarju Ewropew.
Il-gazzetta Illum irrapportat li Dalli kienet qed tostakola n-nomina tal-eks Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u n-nominat tal-Gvern Malti, Glenn Micallef, biex iżżomm ir-rwol.
F’kitba fuq Facebook, Dr Dalli tenniet li hi għandha l-esperjenza kollha meħtieġa fil-politika, biex tinduna minn fejn joriġinaw rapporti infondati bħal dawn u anke l-għan tagħhom.
Dalli sostniet li, kif dejjem għamlet, hi se tibqa’ taħdem fl-interess ta’ pajjiżna u qatt ma tinżel f’livelli baxxi ta’ din il-kwalità.