Wara li ħabbret il-programmi operattivi tal-Fondi Ewropej flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela, il-Kummissarju Ewropea għall-Koeżjoni, Elisa Ferreira, żaret żewġ proġetti li saru b’fondi Ewropej mill-programm ta’ bejn l-elfejn u erbatax u l-elfejn u għoxrin.
Wieħed mill-proġetti li żaret kien dak tal-Crafts Village f’Ta’ Qali, proġett li sar b’investiment ta’ tlettax-il miljun ewro, li kważi tmien miljun ewro minnhom ġejjin minn fondi Ewropej.
Dan il-proġett reġa’ ta l-ħajja lil din iż-żona u għen biex negozji jkomplu jikbru u jimpjegaw aktar ħaddiema.
Il-Kummissarju Ewropea żaret ukoll ix-xogħlijiet li għaddejjin fuq il-mina li tgħaqqad flimkien l-impjant tar-Reverse Osmosis f’Pembroke mal-ġibjuni tal-ilma f’Ta’ Qali.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma waslet fl-aħħar fażi ta’ dan il-proġett – fil-fatt erbgħa u disgħin fil-mija (94%) ta’ dan il-proġett issa huwa lest.
B’investiment ta’ sitta u tletin miljun ewro (€36 miljun) kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, dan il-proġett se jtejjeb id-distribuzzjoni tal-ilma minn dan l-impjant. Permezz ta’ pajpijiet akbar, se tiżdied l-effiċjenza u jonqsu l-ispejjeż tal-ippumpjar minn pajpijiet iżgħar li jintużaw bħalissa.
Preżenti flimkien mal-Kummissarju Ewropew Elisa Ferreira kien hemm il-Ministru responsabbli mill-Ekonomija u l-Fondi Ewropej, Silvio Schembri, il-Ministru responsabbli mill-Enerġija, Miriam Dalli, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett.