Il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli u l-Viċi President ta-Kummissjoni Ewropea Vĕra Jourová ppreżentaw l-ewwel strateġija li qatt saret fl-Unjoni Ewropea għall-komunità LGBTIQ. Din kienet tħabbret mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen fid-diskors dwar l-istat tal-unjoni ta’ din is-sena.
Din tfasslet fuq erba’ pilastri ewlenin, li huma l-indirizzar tad-diskriminazzjoni, is-sigurtà tal-persuni, il-ħolqien ta’ soċjetajiet inkussivi, u sejħa għal ugwaljanza sħiħa fuq livell globali.
L-istrateġija se torbot lill-Kummissjoni biex fl-2021, testendi l-lista ta’ reati tal-Unjoni Ewropea, biex tinkludi wkoll reati u diskorsi ta’ mibegħda immirati lejn din il-komunità.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea se tipprovdi opportunitajiet ta’ finanzjament għal inizjattivi li jiġġieldu dawn ir-reati.
L-istrateġija se tagħmel tajjeb ukoll biex familji LGBTIQ jkunu rikonoxxuti anke meta jiġu biex jaqsmu l-fruntieri interni tal-Unjoni Ewropea.
Dan anke fl-isfond tal-progress li sar f’dan il-qasam fuq livell Ewropew, mat-43% tal-persuni parti minn din il-komunità jħossuhom diskriminati, u l-pandemija kompliet tiggrava s-sitwazzjoni.
Għalhekk, din l-istrateġija tindirizza l-inugwaljanzi u l-isfidi li jaffaċċjaw dawn il-persuni, imsaħħa b’miżuri legali u finanzjarji għall-ħames snin li ġejjin.
Il-Kummissarju Helena Dalli qalet li b’din l-istrateġija, l-Unjoni Ewropea issa affermat ruħha bħala l-eżempju li kull ċittadin għandu jsegwi fil-ġlieda għad-diversità u l-inklużjoni.
Dr Dalli qallet: “The equality strategy adopted today is an important milestone towards a union of equality. It aims at buiding a union where diversity is celebrated as part of our collective richness. So all people can be themsleves without risk of discrimination, exclusion or violence.”
Il-Viċi President Jourová qalet li kull persuna għandha tħossha libera tkun dak li hi mingħajr biża’ li jista’ jiġrilha xi ħaġa.
Taħt it-tmexxija tal-Kummissarju Helena Dalli u bl-appoġġ ukoll ta’ Task Force dwar l-Ugwaljanza, il-Kummissjoni se tintegra wkoll il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni li taffettwa lill-persuni LGBTIQ fil-politiki u l-inizjattivi ewlenin kollha tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea se tissorvelja l-implimentazzjoni tal-istrateġija u tippreżenta rapport dwar dan fl-2023.