L-akbar gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew qablu li japprovaw s-sitta u għoxrin nominat għal Kummissarji Ewropej fit-tieni terminu tal-President Ursula von der Leyen.
Dan wara li kien hemm qbil bejn il-grupp tal-Partit Popolari Ewropew, is-Soċjalisti u d-Demokratiċi u l-partit Renew dwar is-sitt Viċi Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea, flimkien man-nominat Ungeriż, li kellu seduta żjeda tal-“grilling”.
Waħda mis-sitt Viċi Presidenti tal-Kummissjoni hi Kaja Kallas, li ġiet magħżula mill-mexxejja Ewropej, f’Ġunju, bħala r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.
Din hi l-ewwel darba, mill-1999 ’l hawn, li l-Parlament Ewropew ma waqqa’ l-ebda nominat għal Kummissarju Ewropew.
Minn rapporti tas-sit awtorevoli Politico ħareġ li n-nominat Malti għal Kummissarju Ewropew, Glenn Micallef, kiseb l-akbar appoġġ minn fost il-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew.
Micallef kiseb il-fiduċja tal-Kumitat responsabbli mill-Kultura u l-Edukazzjoni ftit wara li saret is-seduta tal-“grilling” tiegħu fil-bidu ta’ dan ix-xahar, bis-sit one.com.mt jirrapporta dan fi ftit inqas minn sagħtejn fi tmiem is-seduta tas-smigħ.
Micallef, li l-ġimgħa l-oħra wkoll iltaqa’ mal-Prim Ministru Robert Abela f’Kastilja, ġie assenjat mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, il-portafoll importanti taż-żgħażagħ, il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet, l-isport u l-kultura.
Il-pass li jmiss issa hu li l-Membri Parlamentari Ewropej jivvotaw għall-Kulleġġ sħiħ tal-Kummissarji Ewropej nhar l-Erbgħa li ġej, 27 ta’ Novembru, waqt seduta tal-plenarja fi Strasburgu.
Maġġoranza sempliċi dakinhar ifisser li fl-1 ta’ Diċembru jibda t-terminu l-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea u t-tieni leġiżlatura ta’ ħames snin taħt il-Ġermaniża Ursula von der Leyen.
Dakinhar jibda wkoll it-terminu ta’ Antonio Costa, il-President-elett tal-Kunsill Ewropew. Costa l-Erbgħa kien f’pajjiżna fejn, fost oħrajn, kellu laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela.