Investituri u innovaturi ltaqgħu flimkien f’pajjizna taħt saqaf wieħed sabiex jiddiskutu ideat għal ħolqien ta’ impjiegi ġodda u biex joktor l-investiment fl-oqsma kollha marbuta mal-qasam tal-ekonomija marittimu fil-Mediterran.
F’konferenza mtella’ f’Malta bit-tema Blue Invest in the Mediterranean, il-Kummissjoni Ewropea laqqgħet flimkien innovaturi u investituri biex isaħħu l-qasam marittimu fil-Mediterran li għandu potenzjal kbir u jista’ jrendi ħafna iktar minn dak li qed irendi llum.
Il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi Karmenu Vella qal li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda taħdem mal-Bank Ewropew għall-investiment biex titwaqqaf pjattaforma għall-investiment għal-ekonomija marittima.
Andrew Smith, wieħed mill-investituri preżenti għall-konferenza qal li t-tbaħħir u s-sajd huma problema kbira għall-Meditteran u għaldaqstant saħaq li jridu jinstabu metodi ta’ kif l-industriji tas-sajd u t-tbaħħir jingħataw appoġġ.
Il-Kummissarju Vella qal li bħala Kummissjoni jixtiequ li apparti li jkun hemm l-investiment, ikun hemm aktar n-nies jifhmu xi tfisser l-ekonomija tal-baħar.
Il-Ministru għall-affarijiet Ewropew Helena Dalli qalet li hija s-sodisfatt li l-Kummissjoni Ewropea għażlet lil Malta sabiex ttella’ konferenza bħal din f’Malta u tkellmet dwar l-effett tal-ekonomija tal-baħar għaċ-ċittadini. Hija sostniet li b’governanza tajba fis-settur jista’ jintlaħaq il-bilanċ biex l-attività ekonomika marittima ma tirrendix f’dannu ambjentali għall-ibħra u l-ispeċi li jgħixu fihom.