Lura fl-2006 Gvern Nazzjonalista kien ressaq abbozz ta’ liġi biex jemenda l-kodiċi Kriminali.
Dan l-abbozz ta’ liġi kien jitratta diversi aspetti, imma moħbi fost l-emendi proposti kien hemm tibdil biex ikun ikkontrollat il-mod kif ċittadin se jitlob il-ftuħ ta’ inkjesta maġisterjali.
Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern, Tonio Borg kien qal li meta inkjesta Maġisterjali tibda mhux fuq inizjattiva tal-pulizija jew ta’ l-avukat ġenerali, kellu jkun hemm bżonn il-permess tal-prim imħallef.
Dan ifisser li kien se jkun il-Prim Imħallef, dak iż-żmien magħżul direttament mill-Gvern tal-ġurnata li jiddeċiedi, mingħajr dritt ta’ appell għal ebda parti.
Dan kien qiegħed isir, għax fi Tonio Borg stess u kien jaħseb “li tajjeb li jkun hemm ċerta kontroll sabiex tibda inkjesta maġisterjali”.
Il-periklu ta’ dak propost minn Gvern Nazzjonalista llum huwa evidenti aktar minn qatt qabel.
Dan għaliex ftit snin wara li kien se jidħol dan il-kontrol, Gvern Nazzjonalista għazel bħala Prim Imħallef lill-Avukat Ġenerali ta’ dak iż-żmien, Silvio Camilleri.
Jiġifieri kieku għaddiet tiegħu Gvern Nazzjonalista, il-kontrol assolut jekk issir inkjesta mitluba minn ċittadin, mingħajr ebda forma ta’ rimedju u appell, kien se jkun f’idejn Silvio Camilleri.
Illum, li waqgħet il-maskra tal-Prim Imħallef Emeritu Camilleri, joħroġ fid-deher il-pjan li kellu Gvern Nazzjonalista biex joħnoq kompletament dan id-dritt.
Tonio Borg kien prova jikkonvinċi lill-Parlament, li ma kienx se jkun il-Gvern li jikkontrolla dan id-dritt, imma l-Kap tal-Ġudikatura stess, li jkun irid jagħti l-awtorizazzjoni meta jara hu li hemm lok li ssir inkjesta maġisterjali.
Jiġifieri l-ftuħ ta’ inkjesta kien għal snin twal se jiddependi esklussivament minn Prim Imħallef, li ma jiddejjaq xejn pubblikament jgħid, li hu dejjem qal li jekk tħawwad taħt il-Partit Laburista tkun premjat.
Agħar minn hekk ta’ fanatiku politiku jgħajjar il-Laburisti arroganti u inkompetenti u Gvern Laburista stupidu u bla sinsla.
Id-diżonesta fil-pjan tal-Gvern Nazzjonalista, illum hija evidenti aktar minn qatt qabel.
Fuq l-istess linja ta’ ħsieb tkellem l-avukat Robert Musumeci waqt il-programm ‘Ħadt l-Aħbar’ fuq l-istazzjon nazzjonali.
Musumeci fil-fatt, tkellem dwar intervent li kien għamel Tonio Borg biex l-inkjesti Maġisterjali ma jintużawx bħala għodda għall-persekuzzjoni politika, li huwa l-ħsieb wara r-riforma li imexxi l-Gvern illum.
“Meta l-Professur Borg, dak iż-żmien Ministru kien qiegħed jipprolunga l-liġi kien għamilha ċara. Qal il-Gvern tiegħi, li jien nifforma parti, ovvjament il-Gvern Nazzjonalista ma rridx li tkun għodda ta’ persekuzzjoni, qed nikkwota hawnhekk lill-Professur Borg, dak iż-żmien Ministru. Kien ġab eżempju ukoll fejn qal li jiena ma rridx li Malta tispiċċa bħall-Italja fejn jiġu l-forzi tal-ordni jħabbtulek il-bieb bil-lejl u jkaxkruk mill-bieb ‘il barra u ma tafx għaliex. Dan nerġa’ ngħid qed nikkwota lill-Ministru dak iż-żmien, Tonio Borg.”
Robert Musumeci
Madanakollu, illum il-Partit Nazzjonalista ħareġ jattakka r-riforma li għandha l-istess linja ta’ ħsieb li kellha l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista f’dan ir-rigward.