Għad-Deputat Nazzjonalista Charles Azzopardi, li l-Partit Laburista jitqabbel mas-Sataniżmu mhuwiex kumment estremist. Dan ikkonfermah waqt konferenza tal-aħbarijiet meta ġie mistoqsi minn dan l-istazzjon dwar jekk jaqbilx mal-kummenti ħorox u dispreġġjattivi li għadda Paul Bonello dwar il-Partit Laburista, fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Bonello l-Ħadd li għadda qal li l-Partit Laburista hu taħlita ta’ orġja ta’ patti Sataniċi.
Però Azzopardi, bi skuża lesta fil-komma, kien pront u qal li hu m’attendiex għal dan il-kunsill tal-Partit tiegħu stess u, għalhekk, ma jistax jikkummenta.
“Nhar il-Ħadd ma stajtx nattendi għall-Kunsill Ġenerali.”
Charles Azzopardi
Fl-istess nifs, meta ppressat mill-ġurnalista tal-kamra tal-aħbarijiet ta’ ONE, Azzopardi, viżibilment skomdu, ipprova jarmi lil Bonello u qal li dan ma jagħmilx parti mill-Partit tiegħu.
Dan eżattament kif għamel l-istazzjon uffiċjali Nazzjonalista, NET News, hekk kif, l-ewwel, nefaħ dak li qal Paul Bonello, iżda wara, meta ndunaw li għaxxaqha, kien kostretti jbiddel l-artiklu.
Imma, fl-aħħar mill-aħħar, id-Deputat Azzopardi xorta spiċċa jfattarha.
ĠURNALISTA: “Ma taħsibx li kien kumment estremist minn Paul Bonello, imma?”
CHARLES AZZOPARDI: “Naħseb, naħseb li le.”
Sadanittant, fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Nazzjonalista Azzopardi intilef f’diskors ta’ isteriżmu, fejn lanqas ta ċans lill-kollega tiegħu Ian Vassallo Hagi, maġenbu, iwieġeb għall-mistoqsijet tal-ġurnalisti.
Fil-fatt, f’mument minnhom, infexx f’għajjat liema bħalu u saħansitra mar lura b’aktar minn ħames mitt sena, meta pajjiżna rebaħ l-Assedju l-Kbir.
“Irbaħna lit-Tiranni, irbaħna lit-Torok, irbaħna l-Fewdotarji, keċċejna l-Franċiżi.”
Charles Azzopardi