Illum waqt Konferenza tal-Aħbarijiet il-Kumitat Reġjonali tan-Nofsinhar ħabbar il-ħames edizzjoni tal-attività Festa Nar.
Din l-attività hija popolari ħafna fost il-Maltin u t-turisti u din is-sena se tinfirex, għall-ewwel darba, fuq jumejn.
Fl-10 ta’ Mejju se ssir f’Birżebbuġa u fil-11 ta’ Mejju fl-Imqabba. F’kull ġurnata se jieħdu sehem 11-il kamra tan-nar.
Barra minn hekk il-Kumitat Reġjonali ħabbar skema li bis-saħħa tagħha, kull Kunsill Lokali li jagħmel parti minn dan ir-Reġjun jista’ jingħata sa’ massimu ta’ €18,000 biex ikunu jistgħu jitwettqu proġetti fil-lokalitajiet. Fost il-proġetti li ġew sottomessi s’issa u approvati mir-Reġjun hemm;
• Bankijiet ġodda fil-Qajjenza, u dwal dekorattiv f’Misraħ San Ġorg Preca fil-lokalità ta’ Birżebbuġa
• Pavimentar fi Sqaq Ħannux, u sistema tal-ilma minn ġibjun f’Misraħ San Ġużepp fil-lokalità ta’ Ħal Safi
• Rinnovazzjoni ta’ konvenjenza pubblika fi Triq Karmenu Ciantar fil-lokalità tal-Imqabba
• Dwal Ġodda fil-pjazza ta’ Triq Dun Marju, u fis-soft area ddedikata lil San Ġorg, fi Triq il-Ħelsien, fil-lokalità ta’ Ħal Qormi
• Bandli ġodda fil-park ta’ Għar Lapsi fil-lokalità tas-Siġġiewi
• Xogħol ta’ restawr fil-lokalità ta’ Ħal Għaxaq
• Pavimentar fil-lokalità tal-Gudja
• Installar ta’ dawl adegwat fil-lokalità tal-Ħamrun
• Riġenerazzjoni ta’ Ġnien Rousset fi Triq iż-Żebbiegħ fil-lokalità ta’ Kirkop
• Proġett ta’ ristrutturar ta’ konvenjenza pubblika fi Triq Dun Pawl fil-lokalità ta’ Luqa
• Refurbishment ta’ konvenjenza pubblika fi Triq Karmenu Ciantar fil-lokalità tal-Imqabba
• Tisbieħ ta’ konvenjenzi pubbliċi fil-lokal tal-Qrendi
• Tisbieħ ta’ 2 bandli li jinsabu fi Triq Ewġenjo Borg u tibdil tar-rubber u l-għamara fi Triq il-Mitħna fil-lokalità taż-Żebbuġ
• Jiġi aktar sigur għat-tfal il-playing field fil-lokalità ta’ Santa Luċija
• Proġett ta’ Audiovisual Production fil-Mitħna tax-Xarolla u ktieb informattiv dwar ir-raħal fil-lokalità taż-Żurrieq
“Il-Kumitati reġjonali għandhom rwol essenzjali fis-soċjetajiet tagħna minħabba li għandhom ir-rwol li jkomplu jsaħħu l-lokalitajiet tagħna. Permezz ta’ dawn l-iskemi u l-inizjattivi, qegħdin inkomplu noffru aktar opportunitajiet lis-soċjetà għal benefiċċju tal-kominutà, filwaqt li nkomplu nippromwovu aktar aċċessibbiltà, speċjalment b’avvenimenti bħal Festa Nar, li qiegħda fil-5 edizzjoni tagħha u tiġbed udjenza kbira,” stqarr il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.
Is-Segretaraju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li dan ir-Reġjun qiegħed jagħti wkoll is-sehem attiv tiegħu fiż-żamma tat-tradizzjonijiet kulturali ta’ pajjiżna biex dawn jiġu mgħoddija lill-ġenerazzjoni tal-lum u b’hekk ma jintilfux. Parnis sostna wkoll li l-Gvern preżenti jemmen b’mod sħiħ fil-Kumitati Reġjonali u fil-fatt din is-sena se jingħataw għall-ewwel darba allokazzjoni diretta li tammonta għal aktar minn €3 miljun. Barra minn hekk bis-saħħa tar-Riforma fil-Gvern Lokali se naraw bidla radikali fi ħdanhom.