Il-plenarja tal-Parlament Ewropew din il-ġimgħa approvat b’maġġoranza kbira r-Rapport tal-Parlament dwar ir-Rapport Annwali fuq l-attivitajiet tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet.
Fir-rwol tagħha bħala Viċi-President tal-Kumitat PETI, l-MPE Marlene Mizzi, waqt id-dibattitu tal-plenarja tal-Ħamis filgħodu, qalet li fi żminijiet ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon u fiduċja fost iċ-ċittadini Ewropej li qed jiddubitaw fil-proġett Ewropew, il-ħidma tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet hija importanti aktar minn qatt qabel.L-attivitajiet tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet jiġu ddettati mill-petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew, li jintbagħtu miċ-ċittadini li jkunu qed jeżerċitaw id-dritt tagħhom.
“Wasal iż-żmien li l-Ewropa tibda tagħti l-importanza xierqa lil niesha billi tersaq lejhom u taħdem fuq it-tħassib u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Il-Kumitat tal-Petizzjonijiet jagħti s-saħħa lin-nies bid-dritt li jsemmgħu leħinhom mal-Parlament Ewropew dwar dak kollu li huwa importanti għalihom jew dwar kwalunkwe problema li setgħu ffaċċjaw fil-ħajja ta’ kuljum, u jitolbu l-intervent tal-Parlament,” qalet l-MPE Mizzi.
L-istatistiċi annwali tal-2015 juru li l-biċċa l-kbira taċ-ċittadini jitolbu l-għajnuna tal-Parlament fuq kwistjonijiet relatati mal-ambjent, il-ġustizzja, is-suq intern, il-benessere tal-annimali u d-drittijiet fundamentali.
“Il-Kumitat tal-Petizzjonijiet u d-dritt li tissottometti petizzjoni lill-Parlament Ewropew huma pont importanti bejn iċ-ċittadini u l-UE li jista’ jwassal biex il-ħidma tal-UE tkun aktar accountable u jipprovdi valur miżjud liċ-ċittadini.”
Marlene Mizzi qalet li teżisti l-ħtieġa li l-ħidma tal-Kumitat PETI jaħdem madwar il-bżonnijiet taċ-ċittadini. “Irridu nagħtu rispons f’ħin adegwat lill-petitioners, filwaqt li niżguraw il-kwalità tat-tweġibiet u li nagħmlu follow up tal-ilmenti tal-petitioners. Il-Kumitat irid itejjeb ukoll is-sit tal-PETI biex il-proċedura tal-petitioner biex jissottometti t-talba tiegħu u jikseb tagħrif dwar il-petizzjoni tiegħu tkun eħfef, aktar ċara u aktar trasparenti.”
“Huwa importanti li niftakru li l-esperjenzi u t-trattamenti pożittivi jew negattivi li jiksbu l-petitioners se jkomplu jifformaw l-attitudni tagħhom lejn l-UE,” temmet tgħid l-MPE Marlene Mizzi.