Il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja, u l-Intern, li bħalissa qiegħed iżur Malta, kellu kliem pożittiv dwar id-diversi riformi li għamel pajjiżna sabiex tissaħħaħ is-saltna tad-Dritt u kkritika aspetti oħra.
Wara li lbieraħ il-Kumitat, immexxi mill-Ewroparlamentari Olandiża Sophie In’t Veld, stqarr dan waqt laqgħa mal-Prim Ministru Malti, illum tenna din il-pożizzjoni f’konferenza tal-aħbarijiet li ta f’Dar l-Ewropa, il-Belt, fi tmiem żjara ta’ tlett ijiem ta’ laqgħat f’pajjiżna.
Fost ir-riformi li semmiet Sophie In’t Veld hemm dik ta’ kif jinħatru l-ġudikanti, fejn tneħħa l-poter minn idejn il-Gvern.
Irreferiet ukoll għar-riforma fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li nqasam fi tnejn bejn l-Avukat tal-Istat u l-Avukat Ġenerali.
Semmiet ukoll kif fl-aħħar snin sar tisħiħ fir-riżorsi tal-FIAU u permezz ta’ hekk, din irnexxielha tressaq iżjed persuni quddiem il-ġustizzja dwar każijiet relatati ma’ ħasil ta’ flus.
Ġie rikonoxxut ukoll it-tisħiħ fil-Korp tal-Pulizija u l-prosekuzzjonijiet kontra l-kriminalità.
Fost ir-rakkomandazzjonijiet li għamlu l-membri tal-kumitat tal-Parlament Ewropew kien hemm dik li jitħaffef il-proċess ġudizzarju fil-Qrati Maltin.
Il-Kumitat ikkritika l-programm ta’ residenza b’investiment u qal li, fil-fehma tiegħu, għandu jitwaqqaf filwaqt li nnota l-argumenti tal-gvern Malti, li sostna li dan il-programm huwa meħtieġ.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet, l-Ewroparlamentari Olandiża Sophie In’t Veld għamlet ukoll rimarki dwar id-djun tal-partiti politiċi.
Intant, fiż-żjara f’pajjiżna, il-membri tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew ma kellhomx laqgħat biss mal-Prim Ministru Robert Abela iżda anki mal-President ta’ Malta, George Vella u mal-Ispeaker tal-Parlament, Anġlu Farrugia, fost l-oħrajn.
Fil-laqgħa mal-Kumitat it-Tlieta waranofsinhar, il-Prim Ministru Robert Abela semma kif, fl-aħħar sentejn, pajjiżna beda triq b’saħħitha favur dawn ir-riformi.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet, l-Olandiża Sophie In’t Veld qalet li, bħala Kumitat, qed iżuru bosta Stati membri sabiex ikunu jistgħu jressqu lista ta’ rakkomandazzjonijiet favur is-saltna tad-Dritt.