Il-Kummissarju Ewropew Malti Glenn Micallef wieġeb b’mod ċar u kien konvinċenti ħafna matul is-seduta tal-“grilling”, li saret fil-bidu ta’ dan ix-xahar.
Dan joħroġ mill-ittra ta’ evalwazzjoni mill-kumitat tal-Parlament Ewropew, li ġiet ippubblikata issa li spiċċa l-proċess biex jingħaqad it-tim il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea, li se jibda jopera mill-Ħadd li ġej, l-ewwel ta’ Diċembru. Dan wara li l-Erbgħa, il-Parlament ivvota favur il-Kulleġġ il-ġdid tal-Kummissarji Ewropej.
Dakinhar tas-seduta tas-smigħ ta’ Micallef, ONE News kien żvela li Micallef kien ġab l-appoġġ mill-kumitat, kif fil-fatt jixhdu l-ittri li ġew ippubblikati.
Il-kumitat tal-Parlament Ewropew, immexxi minn Nela Riehl, sostna li n-nominat Malti qasam il-ħsibijiet u l-ideat tiegħu dwar is-suġġett u kif se jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-proġett Ewropew.
Intqal li Micallef wera impenn sħiħ b’rabta mal-valuri tad-diversità, is-solidarjetà, id-demokrazija, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-inklużjoni soċjali.
Dan filwaqt li fil-“grilling” ta’ tliet sigħat, Glenn Micallef wieġeb il-mistoqsijiet kollha b’mod ċar u wera li kemm hu intiż fis-suġġett, kompletament bil-maqlub ta’ dak li insinwa l-Partit Nazzjonalista u l-forċini tiegħu.
Skont analiżi tas-sit awtorevoli Politico, Micallef kiseb l-akbar appoġġ minn fost il-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew.