Il-Kumitat Parlamentari Ewropew għall-Industrija, Riċerka u Enerġija, l-ITRE, ivvota favur rapport imsejjes sabiex ikun hemm public-private partnerships fuq livell Ewropew sabiex l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi membri, ikunu jistgħu jidħlu bi sħab mal-privat sabiex isiru proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni.
Fuq dan ir-rapport, il-Membru Parlamentari Laburista Josianne Cutajar kienet negozjatriċi f’isem il-Grupp tas-Soċjalisti.
Permezz tal-programm Horizon Europe qegħdin jiġu diskussa modi ġodda kif investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni jkunu ta’ benefiċċju dirett kemm għall-familji, iżda anke għan-negozji, partikolarment dawk li jkunu lesti li jidħlu fi sħubija mas-settur pubbliku.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Maltija Josianne Cutajar, fi stqarrija qalet li qed tirsisti biex pajjiżi bħal Malta jużaw dawn it-tip ta’ fondi sabiex issir aktar riċerka fl-oqsma tas-saħħa u konnettività aħjar fis-settur diġitali, fost l-oħrajn.
Intant, f’intervent b’rabta ma’ dan is-suġġett fil-plenarja li għaddiet, Dr Cutajar saħqet li hija tilqa’ l-isforzi kollha li qed isiru sabiex tissaħħaħ iż-żona Ewropea tar-riċerka – żona li teħtieġ spinta ġdida għall-isfidi li għandha quddiemha l-Ewropa.
Dr Cutajar qalet, li “Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma kruċjali biex jissaħħu l-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-Unjoni u ma nistgħux nittraskurawhom. M’għandniex ninsew li Ewropa innovattiva tfisser aktar impjiegi ta’ kwalità, aktar SMEs li jlaħħqu mat-tranżizzjoni doppja u aktar reżiljenza għal xokkijiet futuri. Ir-riċerka fil-kontinent toffri potenzjal kbir li rridu nisfruttaw – bħalma teżisti wkoll opportunità importanti għaż-żoni periferali, inkluż il-gżejjer, bħal Malta u Għawdex, biex isiru “testbeds” għal soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi l-aktar urġenti tas-soċjetà.”
L-Ewroparlamentari Laburista temmet tgħid li ż-żona Ewropea tar-riċerka ġdida teħtieġ il-kontribut ta’ kulħadd u biex tirnexxi u tkun ta’ suċċess kulħadd irid ikun preżenti u attiv.