Ilbieraħ il-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa b’mod unanimu approva l-protokoll għall-fertilizzazzjoni addizzjonali li se jingħata mill-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni. Permezz ta’ dan il-protokoll l-Awtorità se jkollha s-setgħa li tawtorizza l-fertilizzazzjoni ta’ aktar minn żewġ bajdiet sa massimu ta’ ħamsa.
Se jkun it-team multidixxiplinarju fi ħdan il-klinika tar-riproduzzjoni artifiċjali (ART clinic, li se jiddeċiedi każ b’każ l-ammont ta’ bajd li għandu jiġi fertilizzat. Dan se jwassal ukoll biex jekk ikun hemm aktar minn żewġ embrijuni li żviluppaw mill-fertilizzazzjoni, dawn ikunu jistgħu jiġu vitrifikati. Hemm numru ta’ kriterji li jwasslu biex mara tingħata permess tiffertilizza aktar minn żewġ bajdiet fosthom fatturi ta’ infertilità bħal polycsytic ovaries fin-nisa u/jew azoospermia fl-irġiel kif ukoll fatturi oħrajn bħall-età tal-mara, każijiet ta’ onkoloġija u storja ta’ ċikli oħrajn ta’ IVF.
Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li jinsab kuntent li qegħdin pass eqreb biex aktar Maltin ikunu jistgħu jwettqu l-ħolma li jsiru ġenituri.