Il-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej appella biex ikun hemm waqfien mill-ġlied fil-Lvant Nofsani.
Fi stqarrija, dan il-kumitat, li hu mmexxi mid-Deputat tal-Gvern Glenn Bedingfield, esprima t-tħassib tiegħu dwar il-konflitt imdemmi fil-Lvant Nofsani, li eskala wara l-attakki mill-grupp terroristiku Hamas.
Dan il-kumitat ikkundanna b’mod kategoriku l-attakki terroristiċi li saru mill-Hamas, li wasslu għat-telf ta’ ħajjiet innoċenti, fosthom tfal. Intqal li dan tal-aħħar, flimkien mal-attakki bil-bombi f’Iżrael, huma ta’ dispjaċir u ta’ mingħajr ebda spjegazzjoni.
Il-kumitat wera t-tħassib tiegħu wkoll dwar il-benesseri taċ-ċittidini, fosthom nisa u tfal, partikolarment l-Iżraeljani li nħatfu mill-Hamas u ttieħdu f’Gaza. Huma talbu biex dawn l-ostaġġi jinħelsu b’mod sigur.
Ġie mtenni d-dritt ta’ Iżrael li jiddefendi t-territorju u l-poplu tiegħu, iżda dan għandu jkun skont dak li jgħidu l-liġijiet internazzjonali.
Il-Kumitat Parlamentari esprima t-tħassib tiegħu wkoll dwar is-sitwazzjoni preżenti f’Gaza, b’attakki kontinwi li qed iwasslu għal telf ta’ ħajjiet innoċenti.
L-istqarrija temmet tappella lil Iżrael biex jimxi skont il-liġijiet internazzjonali, waqt li saret talba lill-komunità internazzjonali biex isir kull sforz ħalli tinstab soluzzjoni bil-għan li jkun hemm il-paċi fil-Lvant Nofsani.