“Kull persuna b’diżabiità għandha d-dritt ta’ ħajja dinjituża.”
Dan sostnieh il-President ta’ Malta George Vella waqt iċ-ċerimonja Premju Soċjetà Ġusta 2022, organizzata mill-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur.
Il-Premju Soċjetà Ġusta jiċċelebra u jirrikonoxxi l-ħidma, l-impenn u d-dedikazzjoni ta’ diversi individwi fis-settur tad-diżabilità.
Il-Premju Soċjetà Ġusta ntrebaħ mill-Kumitat Paralimpiku ta’ Malta li hu responsabbli mill-iżvilupp u l-promozzjoni tal-parasports f’Malta u Għawdex. Il-Kumitat Paralimpiku Malti għandu madwar 50 paraatleta attiv bil-maġġoranza huma żgħażagħ taħt is-16-il sena. Barra minn hekk, dan l-aħħar l-organizzazzjoni daħlet fil-parasport persuni għomja u neqsin mid-dawl.
Fid-diskors tiegħu, il-President George Vella kellu messaġġ ċar: li ħadd ma hu għar-rimi u kulħadd għandu kontribut x’jagħti.
Huwa ħeġġeġ lir-rebbieħa u n-nominati kollha biex ikomplu b’din il-vokazzjoni li jkunu ta’ servizz għall-persuni b’diżabilità biex tassew iħossuhom parti integrali mis-soċjetà.
Stqarr, “Kull persuna ċkejkna jew anzjana, b’diżabilità li tidher jew moħbija, għandha d-dritt ta’ ħajja dinjituża u bl-iktar mod indipendenti possibbli. Ħadd ma hu għar-rimi f’pajjiżna u kulħadd għandu kontribut x’jagħti. Nappella lill-poplu kollu biex iżomm dan f’moħħu u f’qalbu kull meta jkollu x’jaqsam ma’ persuni b’diżabilità,”
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, ħabbret li sal-ewwel nofs tas-sena li ġejja se tkun imnedija konsultazzjoni pubblika fuq żewġ liġijiet importanti – L-Abbozz ta’ Liġi li jipproteġi lil Adulti f’Sitwazzjonijiet ta’ Vulnerabbiltà u l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Awtonomija Personali.
Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat li ż-żewġ abbozzi se jassiguraw li l-persuni b’diżabilità jkunu iktar protetti u siguri f’Malta u barra l-pajjiż kif ukoll se jingħataw garanzija li jgħixu ħajja iktar indipendenti.