Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK, ħabbret li l-Kumitat Ornis ivvota favur il-proposta tagħha dwar l-insib u r-riċerka.
Intqal li l-Ornis qed jirrakkomanda lill-Ministru responsabbli, il-proposti mressqin mill-FKNK biex jinfetħu l-istaġuni tal-insib tal-Malvizz u l-Pluviera fuq l-istess parametri tas-sena l-oħra u għat-tkomplija tal-Programm ta’ Riċerka tal-Għasafar tal-Għana.
Dan filwaqt li titqies bis-sħiħ is-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-każ relatat ix-xahar li għadda fil-Lussemburgu.
Waqt li għad trid tittieħed deċiżjoni finali mill-Ministru responsabbli, Clint Camilleri, fil-jiem li ġejjin, l-għaqda Birdlife tenniet li, minkejja l-vot fl-Ornis, ma ħarġux dettalji dwar jekk l-istaġun tal-insib għall-għasafar tal-għana hux se jiftaħ. Iddikjarat li se tibqa’ topponi li dan isir.