B’erba’ voti kontra wieħed il-Kumitat Ornis ivvota sabiex jirrakomanda li f’Settembru li ġej jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa għall-gamiema.
Fi stqarrija, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) irringrazzjat lill-Ministru Clint Camilleri u t-Taqsima tar-Regolar tal-Għasafar selvaġġi għall-pożizzjoni tagħhom favur kaċċa sostenibbli u tradizzjonali tal-gamiema minflok projbizzjoni totali tal-kaċċa tal-gamiem fl-Ewropa kif talbet il-Kummissjoni Ewropea.
L-FKNK spjegat li madankollu, billi l-projbizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tista’ tiġi implimentata f’xi pajjiżi tal-passa tal-Punent tal-gamiema, dawk il-pajjiżi fiċ-ċentru u Lvant, jiġifieri l-Greċja, Ċipru, l-Italja u Malta, xorta se jikkaċċjaw il-gamiema din il-ħarifa iżda b’mod iktar ristrett.
Fil-Kumitat Ornis ġiet stabbilita wkoll kwota nazzjonali ta’ 500 għasfur.
Talba ulterjuri tal-Kummissjoni Ewropea biex timponi kwoti individwali ġiet ukoll miċħuda mill-Kumitat Ornis.
Fl-istess waqt l-FKNK se tipprova takkomoda talba oħra tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġi identifikat in-numru ta’ frieħ u dak ta’ gamiem adulti li jkunu jinqabdu.
Għal dan il-għan, fil-jiem li ġejjin l-FKNK se tintroduċi sistema ta’ rappurtar volontarju.