Il-Kumitat Ornis ivvota favur id-deroga tal-insib għal seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana għal skop ta’ riċerka.
Dan tħabbar permezz ta’ ittra mill-Kumitat Ornis li nbagħtet lill-Ministru Clint Camilleri, fejn tħabbar li dan il-kumitat ivvota favur id-deroga għall-insib fuq seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana għall-iskop ta’ riċerka.
Dan il-Kumitat qabel sabiex il-perjodu ta’ riċerka jkun miftuħ għal xahrejn, bejn l-għoxrin ta’ Ottubru u l-għoxrin ta’ Diċembru li ġej.
Il-Kumitat Ornis laqa’ wkoll il-proposti mressqa mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti, l-FKNK li fil-qafas legali x-xbieken ikunu ta’ tmienja u tletin metru kwadru, minflok dawk ta’ għoxrin metru kwadru.
L-FKNK talbet ukoll sabiex ikun permess l-użu ta’ tisfir irrekordjat minn qabel tal-għasafar tal-għana.
Ħames membri mill-Kumitat Ornis ivvutaw favur, Birdlife Malta vvutat kontra filwaqt li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA astjeniet.