Il-Kumitat Ornis irrakkomanda li l-Gvern japplika deroga mid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea magħrufa bħala “tal-Għasafar”, biex jippermetti l-kaċċa tal-gamiem u s-summien din ir-Rebbiegħa, fl-istess parametri tal-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa tas-sena l-oħra.
Dan ikun ifisser li l-kaċċa għas-summien issir mill-10 sat-30 ta’ April, filwaqt li l-kaċċa għall-gamiem tinfetaħ bejn is-17 u t-30 ta’ April, iż-żewġ ġranet inklużi, għaż-żewġ staġuni. Il-ħin tal-kaċċa jkun minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar ta’ kull ġurnata tal-istaġuni.
Il-kwoti nazzjonali tal-qbid jibqgħu l-istess bħas-sena l-oħra, jiġifieri ta’ 2,400 għas-summien u ta’ 1,500 għall-gamiem.