Il-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) ħabbar li daħal f’ftehim ta’sponsorship ġdid għal ħames snin ma’ Deloitte Malta. Dan il-ftehim ser jsaħħaħ sħubija strateġika mmirata biex titjieb l-iżvilupp u l-governanza tal-isport f’Malta.
Bħala parti minn dan il-ftehim, Deloitte Malta se tipprovdi assistenza professjonali u teknika lill-KOM, billi tikkontribwixxi f’oqsma ewlenin bħall-governanza tal-intrapriżi, il-ġestjoni finanzjarja, l-involviment tal-partijiet interessati, l-iżvilupp tat-talent u l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti. Dan permezz ta’ diversi pjattaformi u teknoloġiji, inkluż l-użu tal-intelliġenza artifiċjali (AI) biex tappoġġja l-ħidma tal-KOM. L-appoġġ ta’ Deloitte se jkollu rwol kruċjali fit-tisħiħ tal-missjoni tal-KOM biex jappoġġja lill-atleti Maltin fil-preparamenti tagħhom għall-kompetizzjoni fuq livell internazzjonali.
Bħala Sponsor Ewlieni rikonoxxut tal-KOM, Deloitte Malta se tkun involuta b’mod attiv f’diversi inizjattivi mmirati biex jittejbu l-governanza, it-trasparenza, l-effiċjenza u s-sostenibbiltà fl-amministrazzjoni tal-isport f’Malta.
Julian Pace Bonello, President tal-Kumitat Olimpiku Malti, esprima l-entużjażmu tiegħu għal din is-sħubija: “Ninsabu ferm kuntenti li nilqgħu lil Deloitte bħala sponsor ewlieni fil-vjaġġ tagħna lejn l-eċċellenza sportiva. L-esperjenza u l-impenn tagħhom lejn il-governanza u l-iżvilupp se jagħtu kontribut kbir lill-organizzazzjoni tagħna u, fuq kollox, lill-atleti Maltin.”
“Għandna pjaċir inkunu assoċjati mal-Kumitat Olimpiku Malti,” qal Marc Alden, Kap Eżekuttiv ta’ Deloitte Malta. “Din il-kollaborazzjoni tirrifletti d-dedikazzjoni tagħna biex nappoġġjaw it-talent lokali u nagħtu sehmek għall-iżvilupp tal-isport f’Malta. Nemmnu li billi naħdmu flimkien, nistgħu ngħinu lill-Kumitat Olimpiku Malti joħloq qafas aktar b’saħħtu biex jinkuraġġixxi u jiżviluppa atleti li jistgħu jikkompetu fl-ogħla livelli.”
Din is-sħubija tenfasizza l-impenn taż-żewġ entitajiet biex jippromwovu kultura sportiva aktar b’saħħitha u sostenibbli f’Malta, filwaqt li jiżguraw li kemm l-atleti kif ukoll il-partijiet interessati jibbenefikaw minn aktar appoġġ u għarfien espert.