Il-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) se jospita l-20 edizzjoni tal-MOC Gala Sports Awards nhar il-Ġimgħa 1 ta’ Diċembru 2023.
Il-Premjijiet li ser jingħataw għandhom l-għan li jirrikonoxxu u jiċċelebraw il-kisbiet eċċezzjonali tal-atleti Maltin li ddistingwew ruħhom f’kompetizzjonijiet internazzjonali ewlenin organizzati taħt l-awspiċji tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-isport tagħhom jew organizzazzjoni internazzjonali tal-isport rikonoxxuta. Il-Federazzjonijiet u l-Assoċjazzjonijiet Nazzjonali ġew mistiedna jissottomettu nominazzjonijiet għal kisbiet li saru matul il-perjodu tas-16 ta’ Ottubru 2022 u l-15 ta’ Ottubru 2023.
Kriterji tal-Għoti ta’Premijiet
Fl-isforzi tiegħu biex jiżgura li l-atleti jingħataw ir-rikonoxximent xieraq ibbażat fuq il-kisbiet tagħhom, il-KOM introduċa diversi bidliet fl-istruttura tal-Premjijiet tiegħu. Il-bidliet tfasslu biex jirriflettu, b’mod aktar xieraq, in-natura tar-riżultat tal-kompetizzjoni ta’ kull atleta, u jiżguraw li r-rikonoxximent mogħti mhux biss ikun mistħoqq iżda wkoll imfassal għall-kisbiet uniċi miksuba f’kompetizzjoni internazzjonali.
“L-aġġustament għall-istruttura preċedenti tiegħu intlaqa’ mill-Federazzjonijiet u l-Assoċjazzjonijiet affiljati u jenfasizza l-impenn tal-KOM li jirrikonoxxi l-kisbiet diversi tal-atleti eċċellenti Maltin. Din l-istruttura twiegħed ġieħ aħjar għall-prestazzjonijiet eċċellenti li ġabu unur lil Malta. ” spjegat Charlene Attard, Direttur tal-iSport.
Il-Kriterji tal-Premjiet riveduti se jirrikonoxxu wkoll spettru usa’ ta’ kisbiet atletiċi. Lil hinn mill-parametri tradizzjonali, il-kriterji riveduti issa se jinkludu evalwazzjoni komprensiva, filwaqt li jqisu mhux biss postijiet fuq il-podju iżda wkoll suċċessi eċċezzjonali oħra. Dawn it-tragwardi jinkludu l-istabbiliment ta’ rekords ġodda, kif ukoll il-kisba ta’ klassifika ogħla fil-livell Ewropew u Dinji; prestazzjonijiet b’saħħithom fil-Logħob internazzjonali maġġuri, inklużi iżda mhux limitati għal-Logħob Olimpiku, Logħob tal-Commonwealth, Festival Olimpiku taż-Żgħażagħ Ewropej (EYOF), Logħob tal-Commonwealth, u oħrajn.
Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa (GSSE)
Il-KOM ħabbar ukoll li l-Gala Sports Awards se jaraw ukoll it-tqassim ta’ bonuses finanzjarji lir-rebbieħa tal-midalji fil-Logħob li ttella’ f’Malta aktar kmieni din is-sena. Id-deċiżjoni li dawn il-bonuses jiġu ppreżentati waqt il-Gala Sports Awards ittieħdet b’kollaborazzjoni mal-Federazzjonijiet Nazzjonali u kkonċernaw l-atleti aktar kmieni f’Novembru u li unanimament qablu li dan kien l-aktar żmien xieraq biex jiġu ċċelebrati kisbiet bħal dawn.
“Il-Kumitat Olimpiku Malti se jkun qed iwettaq l-impenn tiegħu li jappoġġa u jippremja lill-atleti li ġabu unur lil-Malta permezz tal-kisbiet eċċellenti tagħhom matul dawn il-Logħob u jixraq li dan ir-rikonoxximent isir waqt serata li tgħaqqad il-komunità sportiva biex tiċċelebra eċċellenza” temm jgħid Julian Pace Bonello, President, Kumitat Olimpiku Malti.
Il-MOC Gala Sports Awards qed jiġu appoġġjati minn SportMalta, NDSF, Olympic Solidarity, European Olympic Committees, BOV, Enemed, Full Marks, Go, GSD, Heartbeat Clinic, Malta International Airport, MITA, National Lottery, Planet Physio, Saint James Hospital, Sterling Jewellers, VisitMalta, Welbee’s Supermarket, The Concept Stadium, Toyota, Vini e Capricci.
L-20 Edizzjoni tal-MOC Gala Sports Awards se ssir il-Ġimgħa 1 ta’ Diċembru fit-8 ta’ filgħaxija.
Ritratt: Uħud mir-rebbieħa fl-edizzjoni tas-sena l-oħra