Il-Kumitat Olimpiku Malti, b’kollaborazzjoni ma’ Toyota Malta, ħabbar il-programm ta’ attivitajiet biex jiċċelebra il-Jum Olimpiku. L-avvenimenti se jsiru nhar il-Ħadd 19 ta’ Ġunju.
Il-Jum Olimpiku, li jiġi ċċelebrat uffiċjalment fit-23 ta’ Ġunju, huwa festival dinji li fih mijiet ta’ eluf ta’ nies – żgħażagħ u kbar – jipparteċipaw f’attivitajiet sportivi, bħal ġirjiet, wirjiet sportivi, u seminars edukattivi. Matul l-aħħar żewġ deċennji, l-avveniment għen biex jinfirxu l-ideali Olimpiċi f’kull rokna tad-dinja.
Filwaqt li qabel il-Jum Olimpiku kien assoċjat mal-Olympic Day Run, aktar reċentement il-Kumitati Olimpiċi Nazzjonali żviluppaw il-Jum Olimpiku f’attivitajiet madwar il-pilastri ta’ ‘moviment’, ‘tgħalim” u ‘skoperti’.
Il-Ħadd 19 ta’ Ġunju, il-Kumitat Olimpiku Malti se jkun qed jospita numru ta’ avvenimenti. Il-ġurnata se tibda bil-Girja popolari tal-Jum Olimpiku li se tikkonsisti f’ġirja mhux kompetittiva ta’ 5km li tibda u tispiċċa fiċ-Ċentru MEYR għall-Edukazzjoni Fiżika u Sport, il-Ħamrun. Ir-rotta se tieħu lill-atleti tul korsa fil-viċinanzi fosthom il-Marsa, li ntgħażlet bħala l-ewwel Kapitali tal-Kultura ta’ Malta.
Għadd ta’ Federazzjonijiet u Assoċjazzjonijiet affiljati aċċettaw is-sejħa tal-KOM biex jipparteċipaw u bejn it-8:00am u nofsinhar, il-viżitaturi fiċ-ċentru se jkunu jistgħu jgawdu wirjiet u l-possibbiltà li jippruvaw diversi sports fosthom Badminton, BMX Cycling, Chess, Cricket, Hockey, Judo, Karate, Netball, Squash, Taekwondo, Triathlon u Wheelchair Basketball. Uħud mill-atleti li jaqaw fi ħdan l-Elite Scheme tal-KOM se jkunu preżenti wkoll dakinhar.
“L-Olympic Day Run mhix kompetizzjoni iżda festival ta’ sport li jġib flimkien nies, ta’ abiltajiet differenti biex jesperjenzaw l-ispirtu tal-isport f’ambjent informali u rilassat” spjega Kevin Azzopardi, Segretarju Ġenerali, Kumitat Olimpiku Malti.
L-aċċess għall-avvenimenti kollha huwa mingħajr ħlas, iżda dawk li beħsiebhom jieħdu sehem fil-Girja ta’ 5km, huma mistiedna jirreġistraw hawn.
Ser tiġi organizzata rotta ta’ 2km għall-atleti iżgħar u dawk kollha li jixtiequ jġibu l-ħbieb tagħhom tal-klieb/erba’ saqajn. Se tingħata trofew kommemorattiv lill-ewwel tliet Klabbs, Għaqdiet u Organizzazzjonijiet bl-akbar parteċipazzjoni.
Jingħata T-Shirt kommemorattiva lil dawk kollha li jirreġistraw għal dan l-avveniment, li tista’ tinġabar mis-Showroom tat-Toyota, Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ fi kwalunkwe miż-żmien imsemmija hawn taħt.
Il-Ħamis 16 ta’ Ġunju bejn l-4:30pm u s-6:30pm
Il-Ġimgħa 17 ta’ Ġunju bejn l-4:30pm u s-6:30pm
Is-Sibt 18 ta’ Ġunju bejn l-4:30pm u s-6:30pm
Għal aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ Jum Olimpiku jekk jogħġbok ibgħat email lil admin@nocmalta.org