Wara diversi rapporti fil-midja relatati mal-Malta Table Tennis Association (MTTA) li l-Kumitat Olimpiku Malti pprefera ma jikkummentax qabel pubblikament dwarhom sabiex jiffoka l-isforzi kollha tiegħu fuq l-ospitar tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa 2023; il-benessri tal-atleti kollha li jiffurmaw parti minn Team Malta; u ċ-ċelebrazzjonijiet mistħoqqa wara li nkiseb riżultat storiku bħal dan, il-Bord Eżekuttiv tal-Kumitat Olimpiku Malti jixtieq jiċċara kif ġej:
1. Wara ftehim li sar bejn SportMalta u l-Malta Table Tennis Association f’Lulju 2021, relatat mal-użu ta’ fondi NDSF għal preparamenti tekniċi qabel il-Logħob tal-Istati Żgħar tal-Ewropa 2023, il-Kumitat Eżekuttiv tal-MTTA ivvota b’sitt voti f’ favur u vot wieħed kontra (is-Sur David Pace) biex jsir ir-reklutaġġ ta’ plejers bbażati barra biex jirrappreżentaw lil Malta permezz tal-Iskema Passport by Merit, b’mod simili għal dak li kien diġà sar minn ftit federazzjonijiet sportivi nazzjonali oħra.
2. Jiem wara s-Sur Pace iddeċieda li jaċċetta din id-deċiżjoni u ppreżenta erba’ CVs differenti ta’ ċittadini Ungeriżi lill-Kumitat Eżekuttiv tal-MTTA biex jiddiskutu r-reklutaġġ possibbli tagħhom. Dawn l-għażliet ġew skartati hekk kif l-għażla finali waqgħet fuq plejers oħra.
3. Bħala reazzjoni għal din l-għażla, fit-2 ta’ Settembru 2022 is-Sur David Pace bagħat ittra ta’ riżenja mhux iffirmata f’ismu u f’isem erba’ membri oħra tal-Kumitat Eżekuttiv tal-MTTA.
4. Il-bidu ta’ Settembru dejjem jkun mistenni bil-ħerqa mill-membri kollha tal-MTTA, minħabba li f’dan il-perjodu jibdew it-tħejjijiet bis-serjetà għall-bidu tal-istaġun il-ġdid. Dawn ir-riżenji inevitabbilment ġabu ħerba fi ħdan l-MTTA għad-detriment tal-Membri kollha tal-MTTA li tħallew irrabjati li l-istaġun ma bediex, kif isir kull sena, f’Settembru. Ovvjament, l-aħjar interess tal-atleti ġie skartat kompletament.
5. Minħabba f’hekk, il-Bord Eżekuttiv tal-Kumitat Olimpiku Malti ħass li ma kellu l-ebda għażla ħlief li jintervjeni fl-aħjar interess tal-atleti kollha. Irriżulta li allegat każ serju ta’ mġiba ħażina, minn wieħed mill-Membri tal-MTTA kien ġie injorat kompletament mill-Kumitat Eżekuttiv tal-MTTA għal ftit inqas minn sentejn sħaħ. Dan kien totalment inaċċettabbli għall-KOM kif kien bi ksur ċar tal-Policy dwar il-Fastidju Sesswali u l-Abbuż fl-Isport tal-KOI. Barra minn hekk, kien hemm ilment ta’ użu ħażin possibbli ta’ fondi minn tnejn mill-Membri li rriżenjaw.
6. Stedina lill-Membri kollha tal-MTTA ġiet estiża sabiex jgħaddu proposti għal emendi għall-Istatut tal-MTTA qabel il-Laqgħa Ġenerali Straordinarja msejħa fid-9 ta’ Diċembru 2022, segwita minn oħra fis-7 ta’ Frar 2023. Fost l-oħrajn, il-Membri tal-MTTA vvutaw kontra li jkun inkluż proċess dixxiplinarju fl-Istatut. Bħala membru tal-Kumitat Olimpiku Malti, dan jikser ċar l-istandards mistennija minn kull federazzjoni nazzjonali.
7. Sadanittant, il-KOM żgura li l-Kampjonati Nazzjonali bdew mid-9 ta’ Jannar 2023. Dan kien ta’ soddisfazzjon tal-atleti kollha involuti. L-akkademji kollha pparteċipaw bl-eċċezzjoni ta’ Sharp Shot Academy, proprjetà tas-Sur David Pace, li għażel li ma jdaħħal l-ebda timijiet tiegħu bil-konsegwenza li ħafna mill-players reġistrati tiegħu ġew imċaħħda mill-opportunità li jipparteċipaw.
8. Il-KOM waqqaf ukoll Bord tad-Dixxiplina ta’ tliet persuni biex jara l-każ dixxiplinarju pendenti. Sal-lum diġà saru tliet laqgħat u l-każ għadu għaddej biż-żewġ partijiet jingħataw l-opportunità li jressqu l-provi u x-xhieda kollha biex b’hekk ikun żgurat smigħ ġust u li finalment dan il-każ jintemm fix-xhur li ġejjin.
9. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Bord Eżekuttiv tal-Kumitat Olimpiku Malti ta rendikont dettaljat ta’ dawn il-fatti kollha lill-Assemblea Ġenerali tiegħu waqt il-laqgħa biannwali tiegħu li saret nhar l-Erbgħa 14 ta’ Ġunju u wara ġie meħud vot, fejn 99% ta’ dawk preżenti vvutaw fl- favur li l-Malta Table Tennis Association tiġi servuta b’sospensjoni temporanja. Membru wieħed astjena. L-Assemblea Ġenerali tat il-kunsens tagħha biex il-Bord Eżekuttiv tal-Kumitat Olimpiku Malti jipproċedi bil-pjani tiegħu biex jgħin lill-MTTA issolvi l-kwistjonijiet interni tagħha sabiex terġa’ tqum fuq saqajha.
10. Fir-rigward tal-ommissjoni ta’ Andrew Gambina mit-tim nazzjonali waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa 2023, ta’ min jinnota li din kienet ibbażata fuq raġunijiet dixxiplinarji. Waqt il-finali tal-Kampjonati Nazzjonali tal-Irġiel, Andrew Gambina wera att ta’ mġieba ħażina assoluta u diżrispett wara li rrifjuta li jkompli l-partita sakemm l-assistant umpire ma jitneħħiex wara li ma qabilx mas-sejħa tal-istess umpire. L-attitudni fqira ta’ Gambina waqqfet il-partita hekk kif kien riżolut li ma jkomplix. Hu wkoll poġġa fuq il-mejda sakemm m’għaddietx tiegħu. Eventwalment, sabiex il-partita tintemm, id-Direttur tat-Tournament neħħa l-assistant umpire u l-partita ġiet konkluża b’Gambina titlef kontra ċ-champion nazzjonali Gabriel Grixti.
Imġieba bħal din hija totalment kontra l-prinċipji sportivi mistennija mill-KOM minn kwalunkwe atleta tat-tim nazzjonali.
Biex itemm, il-Bord Eżekuttiv tal-Kumitat Olimpiku Malti jixtieq jgħid li minn naħa tiegħu l-korrispondenza dwar dan is-suġġett hija magħluqa. Ir-riżultati ta’ suċċess miksuba fit-table tennis matul il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa 2023 jitkellmu waħedhom, hekk kif il-legat ta’ proġett, tant ambizzjuż, lejn l-iżvilupp fit-tul se jibda jiżvolġi fil-ġimgħat li ġejjin.
DIN KIENET STQARRIJA UFFIĊJALI MILL-KUMITAT OLIMPIKU MALTI