Esponenti qrib l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qegħdin jagħmlu minn kollox sabiex Delia issalva ġieldu u jibqa’ Kap tal-Partit.
Sorsi li tkellmu ma’ One News, qalulna li Jean Pierre Debono li huwa l-Kordinatur Politiku u li għamel minn kollox biex Delia jilħaq Kap, qabbad il-kumitati lokali tal-Partit Nazzjonalista kollha sabiex jiltaqgħu u jiddikjaraw li qegħdin jappoġġjaw lil Adrian Delia.
One News jista’ jiżvela recording li ġie illikjat, minn laqgħa tal-Kumitat Sezzjonali tar-Rabat li fiha l-membri tal-kumitat ntalbu jiddikjaraw l-appoġġ tagħhom lejn Delia.
Wieħed mill-membri instema’ jgħid li bħalissa l-Partit Nazzjonalista għaddej minn kriżi u se jkun qiegħed jappoġġja lit-tmexxija f’din il-kriżi.
Filwaqt li qabel ittieħed il-vot, membru ieħor instema’ jgħid : “Dawn il-każini kollha qegħdin jagħmluha”.
Ġiet illikjata wkoll ittra li kien imġiegħel jagħmel il-Kumitat Sezzjonali tal-Belt Valletta, li fih il-membri tal-kumitat iddikjaraw l-appoġġ lejn Delia.
L-ittra li wkoll ġiet illikjata, intbagħatet lill-Kap Nazzjonalista, Lil Kunsill Ezekuttiv, Lil Kunsill Amministrattiv kif ukoll lis-Segretarju Ġenerali.
Intant, it-Times of Malta irrappurtat li t-Tlieta, Adrian Delia ltaqa’ mal-President tal-Kumitat Eżekuttiv Mark Anthony Sammut u l-President tal-Kunsill Amministrativ David Stellini, sabiex magħhom jiddiskuti l-futur tiegħu bħala Kap tal-Partit.
Mark Anthony Sammut qal lit-Times, li fil-laqgħa ma’ Delia, hu u David Stellini, qasmu l-ħsibijiet tagħhom dwar dak li għandu jsir u ttieħed l-aqwa d-deċiżjoni għall-interess tal-Partit Nazzjonalista.