Fit-tieni laqgħa tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament, li ntemmet ftit ilu, il-Gvern ressaq mozzjoni biex f’dan il-kumitat jiġu żewġ rapporti tal-Awditur Ġenerali fl-istess ħin: wieħed li jagħżel il-Gvern u ieħor li tagħżel l-Oppożizzjoni.
Permezz tal-Whip tiegħu, is-Segretarju Parlmentari Andy Ellul, il-Gvern qal li l-proposta hi li jkun hemm seduta dwar is-suġġett tal-Gvern u d-darba ta’ wara jkun hemm seduta bis-suġġett tal-Oppożizzjoni.
Għal rimarka min-naħa tal-Oppożizzjoni li trid li dan il-kumitat jiltaqa’ iżjed, id-deputat Laburista Alex Muscat innota li dan huwa l-aktar kumitat parlamentari li jiltaqa’ spiss, għax jiltaqa’ kull ġimgħa.
L-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni sabiex dan il-kumitat parlamentari jibda jiltaqa’ darbtejn fil-ġimgħa. Il-Gvern qal li dan mhux possibbli għax hemm diversi deputati tal-Gvern li huma wkoll Ministri jew Segretarju Parlamentari u li huma wkoll parti minn kumitati parlamentari oħrajn.
Andy Ellul saħaq li l-Gvern irid li l-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi ikun wieħed effiċjenti.
Dwar il-lista ta’ xhieda f’dan il-kumitat, il-Gvern qal li kull xhud li jitressaq quddiem dan il-Kumitat għandu jingħata r-raġuni għaliex ikun qed jitressaq. Ġie osservat li l-Gvern m’għandu l-ebda oġġezzjoni biex jitressqu għall-iskrutinju ta’ dan il-kumitat il-ħamsa u tmenin persuna li hemm elenkati.
Fil-laqgħa tal-lum in-naħa tal-Gvern kienet irrappreżentata mid-deputati Andy Ellul, Jonathan Attard, Alex Muscat, u Naomi Cachia.