Huma bosta nies li meta jiddevertu, jagħmlu użu mix-xorb alkoħoliku, iżda jekk wieħed ma joqgħodx attent, jista’ faċilment isib ruħu fi problema ta’ dipendenza.
F’Malta, ix-xorb jinsab f’ħafna aspetti mill-ħajja tagħna u meta wieħed jikkumpara x-xorb ma’ sustanzi oħra, hija l-iktar sustanza aċċettata.
Fil-fatt studju tal-Organizazzjoni għall-Iżvilupp u l-Koperazzjoni Ekonomika sabet li l-Maltin minn ħmistax-il sena ’il fuq jixorbu mat-tmien litri t’alkoħol pur fis-sena, jew tliet litri birra fil-ġimgħa.
Dan l-istazzjon tkellem ma’ Mike Orland, li huwa manager fi ħdan is-Sedqa.
Huwa stqarr kif l-aċċessibilità tax-xorb hija waħdamir-raġunijiet wara n-numru kbir ta’ persuni li għandhom problemi b’din is-sustanza.
Orland stqarr li minkejja li x-xorb huwa aċċessibbli u anke parti mill-kultura u tradizzjonijiet tagħna, din m’għandiex tkun skuża biex wieħed jabbuża.
“Il-kultura mhix xi ħaġa li hija mnaqqxa fil-blat u ma nistgħux inbidluha. Il-kultura hija dak li niddeċiedu bħala pajjiż bi ftehim mal-poplu, bil-liġijiet li joħolqu l-patterns li jsiru kultura bil-mod. Jiġifieri l-kultura mhix skuża biex nibqgħu kif aħna imma hija inizzjattiva biex ngħidu ‘Isma, ejja nagħmlu xi ħaġa ħalli għada jkollna kultura differenti.”
Huwa qal ukoll li s-sitwazzjoni unika li d-dinja nstabet fiha fl-aħħar sena ma għenet xejn lil dawk li kienu jew għadhom ibatu bil-vizzju. Spjega kif anke persuni li kienu kompletament qatgħu il-vizzju tax-xorb, sabu ruħhom b’rutina imħarbta, u b’hekk reġgħu daru fuq is-Sedqa għall-għajnuna.
Stqarr li l-pandemija affettwat ukoll persuni li qatt ma kellhom problemi partikolari ta’ xorb.
“Xi ħaġa li rajna wkoll bħala bidla fir-rutina hi li ċertu nies bdew jixorbu aktar spiss imma forsi għax m’humiex jistennew il-ħarġa tas-Sibt u l-Ħadd per eżempju. Allura min kien jixrob fil-weekend biss, imbagħad jew għamilna l-call online, jew għamilna hekk jew hekk, u ħadt flixkun birra għax is-Sibt mhux se noħorġu, u wieħed beda jitlef ftit l-istruttura tax-xorb tiegħu, u dak ukoll jista’ jwassal għal problemi li jiżviluppaw.”
Orland għalaq b’appell lil persuni li qegħdin jaraw xi bidla fir-rutina tax-xorb tagħhom, speċjalment f’din l-aħħar sena ta’ pandemija.
“Naħseb xi ħaġa li hija mportanti hija li nifmu li l-problema tal-alkoħol tkun preżenti fina mhux biss meta aħna rridu nqumu filgħodu u rridu nixorbu bilfors. Jiġifieri naħseb l-użu tal-alkoħol għandu jiġi kkontrollat tul iż-żmien kollu.”