Sena minn meta faqqa’ l-iskandlu tal-Qatargate li heżżeż il-Parlament Ewropew, analiżi ta’ Transparency International qalet li mhux biss ir-riformi mwiegħda ma sarux, iżda saħansitra l-Parlament Ewropew għażel li jnaqqas mis-saħħa ta’ regoli li saħansitra kienu diġa’ jeżistu.
B’hekk, l-analiżi teknika ta’ Transparency International, uriet li l-wegħdi tal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola hekk kif faqqa’ l-iskandlu ma kien għajr xejn kliem sabiħ.
L-analiżi teknika ħarġet preċiżament fil-jiem li kienu żvelati chats bejn Metsola u dik li kienet il-Viċi-President tagħha Eva Kaili.
Chats li wrew il-qrubija bejn iż-żewġ politiċi u kif fuq l-aġenda kien hemm il-kwistjoni tal-visa għaċ-ċittadini tal-Qatar biex jidħlu fl-Unjoni Ewropea.
Fl-analiżi ta’ Transparency International intqal ċar u tond: “Għaddiet sena u l-kultura ta’ impunità fil-Parlament Ewropew baqgħet.”
Kompla jkun spjegat kif hija riforma kbira fis-sistema etika u r-regoli marbuta magħha li jistgħu jipprevjenu każi simili, bi Transparency International jindika li bħal donnu qed jistennew li jfaqqa’ xi skandlu ieħor biex jagħmlu dan.
Transparency International saħqet ukoll li hemm bżonn entità indipendenti biex tagħmel l-iskrutinju, xi ħaġa li l-President Metsola għada ma implimentatx l-anqas.
Fl-istess jiem kien irrapportat kif ir-relazzjoni bejn Metsola u Kaili kienet waħda ta’ kunfidenza u skont il-ġurnal Taljan ‘Domani’ kien bid-delega m’għand Metsola li Kaili setgħet taħdem fuq il-Qatar u r-reġjun.
Jidher li ta’ din id-delega Kaili, fiċ-ċentru tal-iskandlu, kienet grata u stiednet lil Metsola f’Ateni.
Fil-whatsapp Kaili qalet lil Metsola li se tagħtiha d-dettalji tal-vjaġġ għal Ateni b’Metsola twieġeb li kienet qed tħares ‘il quddiem.
“Fantastico, non vedo l-ora,” wieġbet Metsola skont ir-rapport fil-midja Taljana. Kif imwiegħed, l-MEP Griega tata d-dettalji u qaltilha li l-biljetti u l-gwida lesti biex imorru jaraw il-mużew tal-acropoli.
Wara ħaditilha ħsieb ukoll f’wieħed mill-aqwa ristoranti ta’ Ateni. Kaili qaltilha: “Tieħu ħsieb xejn. Kemm tgħidli kemm se tkunu.”
Metsola dlonk wieġbet u qaltilha li se jkunu sitta u żewġ uffiċjali tas-sigurtà. Il-kelliema ta’ Metsola ma weġbux meta mistoqsija jekk il-President ħalsitx hi.
Diskussjoni oħra kienet dwar l-eżenżjoni tal-Visa. Kien hemm għaxar messaġġi li jidher li setgħu kienu fuq is-suġġett u jidher għaliex disa’ minnhom illum tħassru tant li l-midja Taljana ddeskrivit dan bħala l-aħħar misteru fl-inkjesta li skossjat l-istituzzjonijiet Ewropej.
X’saqsiet Kaili hija l-mistoqsija. U x’wieġbet Metsola? X’inhu l-kontenut tal-messaġġi mħassra. Il-kelliema ta’ Metsola qed jgħidu li Metsola ma laħqitx rathom, għalkemm jidher li din hi tweġiba li ftit qed titwemmen fl-istituzzjonijiet Ewropej.