L-impatt fuq is-settur kulturali fl-Ukrajna jidher li se jdum għal żmien twil, fil-kuntest tal-gwerra li għaddejja mar-Russja.
Waqt li kien qed jindirizza laqgħa formali tal-Kunsill tal-Ministri tal-Kultura fi Brussell, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, il-Arti u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li Malta diġà provdiet u qed tipprovdi sapport u servizzi umanitarji lill-Ukrajna.
“Iżda, hekk kif qed tkompli għaddeja l-gwerra, rridu nkomplu nfittxu metodi kif nibqgħu nissapportjaw l-assistenza umanitarja lill-Ukrajna,” sostna l-ministru. Huwa spjega li Malta tappoġġja l-approċċ Ewropew biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ewlenin fi żmien qasir u saħaq li pajjiżna jissapportja l-Emergency Response Coordination Centre (ERCC).”
Owen Bonnici semma metodi oħrajn kif jistgħu jassistu l-qasam kulturali fl-Ukrajna, fosthom bl-iżvilupp ta’ programmi konġunti ta’ diġitalizzazzjoni f’dan is-settur. Dan jista’ jgħin biex joffru ambjent iktar sigur.
Huwa qal li l-kultura hija r-ruħ ta’ pajjiż u għalhekk il-kultura Ukrajna għandha titqies bħala l-pedament tal-futur ta’ dan il-pajjiż.