Hekk kif mwiegħed fil-baġit 2016, illum tnieda l-proġett Teatru Malta, li hija inizjattiva ġdida tal-Kunsill Malti għall-Arti. Teatru Malta se tkun inizjattiva li permezz tagħha se jkompli jitkattar il-professjonaliżmu fit-teatru Malti.
Il-Ministru ghall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici tenna li dan il-proġett hu parti minn sensiela ta’ inizjattivi tal-Gvern sabiex ikompli jżid il-professjonaliżmu fl-arti. Huwa tenna li din hija inizjattiva b’viżjoni ta’ innovazzjoni kreattiva u eċċellenza artistika li tinkludi wkoll esperimentazzjoni fi stili, drammaturġija, teknoloġija u kitba, fost oħrajn.
Se tkun qed tinħareġ sejħa għall-direttur artistiku bl-għan li joħloq diskussjoni u jfassal pjan teatrali, din is-sejħa tinsab ukoll onlajn fuq is-sit http://www.artscouncilmalta.org/. L-ewwel produzzjonijiet teatrali mistennija jsiru fl-2018.
Fi kliemu, l-Ministru Bonniċi temm jgħid li b’dan il-progett se jkun qed jiġi immassimizzat l-użu ta’ spazji teatrali eżistenti fl-irħula Maltin u Għawdxin, bl-għan li l-kultura teatrali tkun aktar qrib il-komunitajiet. Dan hekk kif permezz ta’ din l-inizzjattiva il-produzzjonijiet teatrali li se jintużaw se jkunu spazji teatrali eżistenti fl-irhula Maltin u Għawdxin lil hinn mill-Belt Valletta.