Il-baġit għas-sena d-dieħla baqalgħu xahar biex jitħabbar u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech diġa’ beda jagħmel pressjoni biex jipprova jwaqqaf lill-gvern milli jinforma lill-pubbliku b’dawk il-miżuri li se jkun qed jieħu.
Minflok materjal informattiv dwar kif wieħed għandu jagħmel biex jibbenefika jew ikun mgħarraf aħjar dwar il-miżuri, il-Kap tal-Oppożizzjoni irid kampanja ta’ materjal partiġjan fuq l-istazzjon nazzjonali.
Il-gazzetta KullĦadd żvelat li dan l-attentat iddisprat ta’ Bernard Grech laħaq il-qofol tiegħu meta fl-aħħjar jiem kiteb lill-Awtorità tax-Xandir biex tkun hi li twaqqaf materjal ta’ informazzjoni tal-gvern milli jixxandar fuq l-istazzjon nazzjonali.
Fil-fatt, il-prassi stabbilita hija li jkun hemm materjal dwar kif jaħdmu l-miżuri, u minflok Bernard Grech irid li l-awtorità talloka ħin għal dawk li jistgħu jkunu deskritti bħala ‘spots’ ta’ natura partiġjana.
L-ittra b’ton ta’ theddid Bernard Grech bagħtha lill-awtorità immedjatament kif tħabbret id-data tal-budget.
Dan hekk kif qed ikompli joħroġ ċar li ta’ kull sena Grech qed jiddejaq bil-miżuri maħsuba biex jgħinu lin-nies u li qed iwasslu biex ikun dgħajjef fir-rispons tiegħu.
Il-KullĦadd irrapportat li jekk l-awtorità jkollha ċċedi għal din it-talba tkun qed toħloq preċedent li qatt m’eżista bħalu f’pajjiżna.
Kompla jkun spjegat li fl-ittra ta’ żewġ paġni Bernard Grech għamel sforz iddisprat biex jagħmel l-argument tiegħu tant li qagħad jispjega li “tinħoloq kriżi kostituzzjonali f’każ li l-Gvern jitlef il-maġġoranza ta’ imqar vot wieħed imressaq minnu.”
Ma naqasx milli mbagħad jhedded b’artikli tal-liġi li skont hu jkunu qed jinkisru jekk ma jsirx kif irid hu.
Ma kienx jonqos ukoll li imkejjen fid-Dar Ċentrali jagħmlu kuntatt mal-gazzetta KullĦadd, hekk kif żvelaw li Bernard Grech, għamilha ċara. li jrid ikun hu li jiffirma l-ittra lill-Awtorità u mhux, kif jiġri s-soltu, is-Segretarju Ġenerali, pożizzjoni llum okkupata minn Michael Piccinino.
“Irid jagħti l-impressjoni li hu xi ġellied li l-PN ma jistax jgħaddi mingħajru. Għax jaf li għad għandu l-inkwiet,” sostnew l-istess sorsi.
Intant, it-tħejjijiet għall-baġit jinsabu fl-aqwa tagħhom bil-gvern ippubblika l-pre budget u bħalissa għaddejja konsultazzjoni.
Quddiem kriżi internazzjonali l-gvern diġa’ ħa miżuri bla preċedent biex jgħin lin-negozji u l-familji.