Il-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ewropej aċċetta n-nomina tas-Supretendent Dr Geoffrey Azzopardi biex flimkien ma’ Dr Martin Sammut jaġixxi bħala Delegat Prosekutur Ewropew għal Malta.
Dan l-irwol jaqa’ fi ħdan l-istrutturi tal-Uffiċċju tal-Prosekuturi Pubbliċi Ewropej (EPPO) stabbilit fl-2017 u li tiegħu Malta saret membru f’Ottubru 2018. L-EPPO huwa uffiċċju indipendenti tal-Unjoni Ewropea, li jinvestiga, jipprosekwixxi u jressaq għall-ġudizzju reati kontra l-baġit tal-UE, bħalma huma frodi, korruzzjoni jew ‘cross-border VAT fraud’ – speċifikament dawk ir-reati hekk imsejjħa ‘PIF Crimes’.
Dr Azzopardi ġie magħżul wara proċess ta’ skrutinju tal-istess Kulleġġ tal-Prosekuturi Ewropej, li huwa l-korp ewlieni inkarigat bl-amministrazzjoni tal-EPPO.
Il-Gvern awgura lil Dr Azzopardi għal din il-kariga f’pożizzjoni prestigjuża.
Intant permezz ta’ din il-ħatra, il-Gvern żamm il-wegħda tiegħu biex jappunta żewg Prosekuturi Ewropej, hekk kif mitlub mill-Uffiċċju tal-Prosekuturi Pubbliċi Ewropej.