Il-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ewropej laqa’ n-nomina ta’ Dr Martin Sammut biex jaġixxi bħala d-Delegat Prosekutur Ewropew f’isem Malta.
Fi stqarrija maħruġa, il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza spjega li dan l-irwol jaqa’ fi ħdan l-istrutturi tal-Uffiċċju tal-Prosekuturi Pubbliċi Ewropej stabbilit fl-2017 u li tagħha Malta saret membru parteċipi f’Ottubru tal-2018.
Intqal ukoll li dan l-uffiċċju huwa indipendenti mill-Unjoni Ewropea u jinvestiga, jipprosekwixxi u jressaq għall-ġudizzju reati kontra l-budget tal-Unjoni Ewropea, bħalma huma frodi, korruzzjoni jew frodi tal-VAT barra l-pajjiż.
Dr Martin Sammut intgħażel wara proċess ta’ skrutinju li sar mill-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ewropew li huwa il-korp ewlieni inkarigat bl-amministrazzjoni tal-uffiċċju.
Fi stqarrija l-Gvern awgura lil Dr Martin Sammut għal din il-kariga prestiġjuża.