Ġimgħat qabel tibda sena skolastika ġdida, għadha ma nstabitx soluzzjoni għall-istudenti tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir tal-Belt.
L-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, iddeskriviet is-sitwazzjoni bħala waħda kritika minħabba li l-iskola saħansitra qed topera mingħajr liċenzja wara t-tkeċċija ta’ Mario Mallia minn Kap tal-Kulleġġ, li issa ħareġ li kien ukoll il-persuna responsabbli ta’ din il-liċenzja.
Il-Unjin żiedet tgħid li l-Ministeru għall-Edukazzjoni għamel referenza għal din is-sitwazzjoni mhux tas-soltu, li skola f’pajjiżna m’għandhiex liċenzja.
Hija qalet wkoll li r-rettur, Patri Aaron Zahra, qiegħed jagħti assigurazzjonijiet foloz li kollox miexi kif suppost bi preparazzjoni għas-sena skolastika meta, skont l-MUT, il-proċess jinsab ġimgħat b’lura. L-MUT saħansitra qalet li tinsab infurmata li xi ġenituri qegħdin ifittxu post fi skejjel oħra għal uliedhom.
Fl-istqarrija tagħha l-unjin ikkonfermat l-isfiduċja li għandha fir-Rettur u fil-Bord tal-Kulleġġ, filwaqt li qalet li dawn għandhom jirriżenjaw.
B’reazzjoni għal dan, il-Kulleġġ San Albert il-Kbir, fi stqarrija, osserva kif b’dispjaċir għadha qatt ma saret laqgħa bejn il-Kulleġġ u l-MUT bit-tama li tkun riżolta t-tilwima industrijali.
Rigward ix-xogħol preparatorju għas-sena skolastika, il-Kulleġġ stqarr li saru diversi tentattivi biex titfassal l-iskeda tal-lezzjonijiet. Madanakollu, din ma ħallietx il-frott minħabba direttivi tal-unjin.
Dwar il-liċenzja, il-Kulleġġ qal li għaddejjin taħtitiet mal-awtoritajiet kompetenti u li l-kwistjoni se tiġi riżolta qabel il-ftuħ tas-sena skolastika.
Il-Kulleġġ tenna l-istedina biex ikun hemm diskussjoni mal-MUT sabiex tiġi evitata pressjoni żejda fuq l-istudenti u l-membri tal-istaff.