Justin James Grima ta’ 24 sena minn Ħal Tarxien, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti jaffaċċja 12-il akkuża fosthom b’attentat ta’ ferita gravi fuq żewġ uffiċjali tal-Pulizija.
Il-każ seħħ is-Sibt waranofsinhar meta l-akkużat allegatament ipprova jsuq għal fuq żewġ uffiċjali mis-sezzjoni tat-traffiku fi Triq San Ġużepp il-Ħamrun, bil-konsegwenza li laqat mutur tal-Pulizija. L-akkużat – li qal li jaħdem bħala sprayer, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Fil-Qorti, l-Ispettur Pierguido Saliba qal kif surġent tal-Pulizija tat-traffiku nnota vettura tat-tip Mitsubishi Showgun bil-ħġieġ skur u waqqafha. Huwa qal lill-akkużat biex isegwih sal-garaxx tal-Pulizija.
Saliba spjega li f’daqqa waħda l-akkużat ħa direzzjoni oħra u niżżel il-passiġieri mill-karozza. Hemmhekk beda jsuq fid-direzzjoni opposta. L-Ispettur Saliba kompla jispjega li meta Grima rrifjuta li jitfi l-karozza, l-uffiċjal tal-Pulizija prova jitfi l-vettura hu stess, madankollu l-akkużat allegatament ħataf idejn is-Surġent u qallu : “kuġinuwi diġà tajjar wieħed minn tagħkom, jien mhux se nidejjaq intajjar tnejn”.
L-Ispettur Saliba qal li x’hin qal hekk l-akkużat ipprova jsuq għal fuq l-uffiċjali tal-Pulizija bil-konsegwenza li laqat mutur.
Minnufih ta l-ordni biex isir l-arrest u jittieħed id-depot tal-Pulizija. Filgħaxija fil-‘lock up’ tal-Pulizija, l-akkużat allegatament ipprova jweġġa’ lilu nnifsu.
ONE News hu nfurmat li l-akkużat jiġi l-kuġin ta’ Liam Debono, iż-żagħżugħ li jinsab akkużat bl-attentat ta’ qtil tas-Surġent Simon Schembri, meta f’Mejju li għadda allegatament tajru b’karozza u kaxkru għal 400 metru.
Id-difiża mmexxija mill-Avukati Amadeus Cachia u Franco Debono, qalet li l-akkużat hu preżunt innoċenti u għalhekk għandu jingħata d-dritt għall-ħelsien mill-arrest.
L-Ispettur Matthew Galea mill-Għassa tal-Ħamrun oġġezzjona għat-talba tal-ħelsien mill-arrest minħabba l-gravita’ tal-każ, għall-fatt li l-akkużat għandu akkużi simili mal-Pulizija, minħabba li hu riċediv u minħabba xhieda pajżana. Filwaqt li l-Ispettur Pierguido Saliba argumenta li minkejja li l-fedina tal-imputat mhix ikkulurita bħal ta’ kriminal, xorta waħda l-affarijiet jidhru li qed jeskalaw. Dan filwaqt li qal li għandu jintbgħat messaġġ li wieħed irid jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Simone Grech ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Intant, wara li ħareġ mill-awla l-akkużat qala kommossjoni sħiħa fil-kurituri, tant li l-Pulizija kellhom jikkalmaw is-sitwazzjoni li eskalat.
Fost ħafna għajjat u storbju Grima beda jgħid li ma jridx imur il-ħabs u aħjar imut. Filfatt dak il-ħin allegatament pprova jifga lilu nnifsu u l-Pulizija mmanetjatu immedjatament.
Persuni qrib l-akkużat li kienu l-Qorti allegatament heddew lill-Pulizija, tant li l-Maġistrat kellha tiġi eskortata mill-Pulizija.
Justin James Grima ġie akkużat ukoll li m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija, li saq b’mod perikoluż, li kellu passiġieri aktar minn kemm suppost fil-vettura, li hedded uffiċjali pubbliċi, li għamel ħsarat fuq proprjetà tal-gvern, li kiser il-paċi pubblika fid-depot tal-Pulizija u kif ukoll li hu riċediv.